Futbol Sport

Inter ferm viċin li jirbħu t-titlu wara ħdax-il sena

(Ritratt: EPA)

Inter għamlu pass importanti fil-mixja tagħhom lejn ir-rebħ tas-Serie A b’rebħa ta’ 2-0 fuq it-tim tal-qiegħ Crotone, bit-tim ta’ Antonio Conte jiddependi biss minn żelqa ta’ Atalanta fil-konfront tagħhom illum kontra Sassuolo. Dan se jkun l-ewwel titlu ta’ Inter wara ħdax-il sena hekk kif l-aħħar darba li għamlu dan kien fl-istaġun 2009-2010 meta dakinhar kienu wkoll rebħa t-Treble.

Wara d-daqqa ta’ ras ta’ Lukaku fit-23 mintua ħabtet mal-lasta u l-konklużjoni ta’ Martinez ħabtet mal-wieqfa fl-44 minuta, Inter marru fil-vantaġġ fid-69 minuta meta l-konklużjoni ta’ CHRISTIAN ERIKSEN kienet devjata għal wara l-goalkeeper ta’ Crotone. Fit-83 minuta, Romelu Lukaku kellu l-gowl tiegħu mħassar għall-offside biex fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem it-tieni taqsima, kien ACHRAF HAIKMI li għamilhom 2-0.

Milan irritornaw għar-rebħa meta fi Stadio San Siro għelbu lil Benevento 2-0. HAKAN CALHANOGLU fetaħ l-iskor għal Milan wara biss sitt minuta, b’THEO HERNANDEZ jirdoppja għat-tim ta’ Stefano Pioli mas-siegħa logħob biex b’hekk aċċerta mit-tliet punti importanti għal Milan fil-ġlieda biex jiksbu post fil-UEFA Champions League.

F’Stadio M. A. Bentegodi, Verona u Spezia temmew fi draw ta’ 1-1, f’partita fejn ntwerew tmien karti sofor. Wara taqsima mingħajr gowls, kienu Verona li fetħu l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima, meta wara li laqat il-lasta qabel tmiem l-ewwel taqsima, EDDIE SALCEDO ikkonkluda bir-ras għal 1-0 fuq cross ta’ Darko Lazovic. Spezia ġabu l-iskor indaqs erba’ minuti mit-tmiem meta minn pass tajjeb ta’ Kevin Agudelo, kien RICCARDO SAPONARA li kkonkluda għal skor finali ta’ 1-1.

SERIE A

Illum: Verona v Spezia 1-1, Crotone v Inter 0-2, Milan v Benevento 2-0 Għada: Lazio v Genoa 12.30pm, Bologna v Fiorentina 3.00pm, Napoli v Cagliari 3.00pm, Sassuolo v Atalanta 3.00pm, Udinese v Juventus 6.00pm, Sampdoria v Roma 8.45pm It-Tnejn: Torino v Parma 8.45pm