Lokali

“Irridu soċjetà li tagħti valur lil kull xogħol” – Bernard Grech

“Kull tip ta’ xogħol fis-soċjetà huwa importanti u bżonjuż, jien irrid soċjetà li tagħti valur lil kull xogħol. Ejjew inneħħu din l-impressjoni żbaljata li hawn xi xogħol iktar importanti minn ieħor. Aħna kollha katina waħda, soċjetà b’saħħitha li tagħti valur lix-xogħol ta’ kulħadd, m’hemmx iżgħar jew ikbar, aħna lkoll livell wieħed, aħna lkoll parti mill-istess soċjetà, aħna lkoll neċessarji għal soċjetà kompluta.” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt programm speċjali imtella’ f’Jum il-Ħaddiem.

Bernard Grech saħaq li rridu napprezzaw li kull xogħol fih valur u appella biex “kemm jekk jitħallas u anke jekk huwa xogħol volontarju.” Hawhekk, il-Kap tal-PN fakkar kif mingħajr volontarjat soċjetà ma jkolliex ruħ. Hu sellem lill-ħaddiema fil-volonarjat. “Il-volontarjat huwa pilastru indispensabbli f’soċjetà li jimpurtaha. Jekk verament irridu soċjetà li tħobb, soċjetà li tħenn u li għandha għal qalbha l-ġid ta’ ħaddieħor, nieħdu ħsieb xulxin, mhux darba fis-sena, imma kuljum, irridu nivvalutaw il-volontarjat. Anke fejn jidħlu liġijiet, ma nistgħux inkissru lil dan is-settur.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex fejn saħaq li jrrid soċjetà fejn il-ħaddiem mhux jgħix biex jaħdem imma jaħdem biex jgħix. “Din hija bażi, hija prinċipju ta’ fehma, ta’ twemmin, illi l-kwalità tal-ħajja tal-individwu toħroġ minn hekk. Gvern immexxi minni se jkun qed jara li jinħoloq dan il-bilanċ. Ma nistgħux nitkellmu fuq dan il-bilanċ u nistennewh li ser jinħoloq waħdu, dan il-bilanċ irridu noħolquh aħna u jien determinat li noħolqu, jien rrid li l-familji tagħna jgħixu ħajja ta’ kwalità. Jekk irridu soċjetà b’saħħitha, ma rridux inħarsu biss lejn il-flus imma rridu li navvanzaw aħna u anke l-valuri tagħna. Irridu npoġġu, niddiskutu u naħdmu lejn din id-direzzjoni. Ejjew nikreaw il-ġid pero mhux biss il-ġid tal-flus imma l-ġid tal-persuna.”

Mistoqsi dwar il-ħaddiema u min iħaddem, Bernard Grech qal li “illum qed napprezzaw dejjem aktar mhux biss il-prezz li nagħtu lill-ħaddiem imma l-valur li nagħtuh. Importanti li anke l-ħaddiem jagħmel l-istess bix-xogħol tiegħu, jagħti valur lill-impjieg li jkollu, biex mhux biss jaqla x’jiekol, imma jkollu karriera u jkun parti integrali mill-kumpanija biex jikber fl-impjieg tiegħu u jimxi ‘l quddiem, imma fl-istess waqt ikompli jgħin lill-kumpanija tkompli tissoda u tikber biex b’hekk anke l-ħaddiem ikompli jiggarantixxi x-xogħol tiegħu.”

Minn naħa l-oħra, Bernard Grech saħaq li “min iħaddem, meta jagħti valur lill-ħaddiem tiegħu, ikun qed jifhem u jwassal il-messaġġ li l-ħaddiema tiegħu għalih huma importanti, għaliex ma nistgħux inħarrsu lejn il-ħaddiem bħala xi ħaġa li nużaw u narmu wara ftit żmien. Huwa fatt li meta għandek il-ħaddiem u min iħaddem b’relazzjoni tajba fejn it-tnejn isaħħu lil xulxin, dak il-post tax-xogħol jimxi ‘l quddiem, mhux biss fuq il-flus imma fuq il-valur tar-relazjoni ta’ bejn il-ħaddiem u min iħaddem.”

Il-Kap tal-PN kien mistoqsi wkoll dwar il-bżonn li l-ħaddiema jiġu premjati fejn stqarr li “sfortunatament nafu li fil-passat riċenti ta’ pajjiżna f’ħafna oqsma, armejna l-prinċipju li tasal għax ikun ħaqqek. Meta tarmi dan il-prinċipju, tkun qiegħed taqta’ qalb dawk il-persuni li ħadmu, stinkwaw u xtaqu li javvanzaw fuq il-merti tagħhom.” Bernard Grech saħaq li qed jintbagħat messaġġ li f’dan il-pajjiż, li taħdem u tistinka u tasal bil-ħila tiegħek mhux valur. “Jien irrid nara li kullħadd wasal bil-ħila tiegħu u nipprejemjaw il-bżulija.”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-ħaddiema artistiċi u kreattivi fejn saħaq li din hija s-soċjetà b’saħħitha li jrid il-PN. “Jien inħobb l-arti, nemmen li l-arti fil-persuna hija parti sostanzjali mill-edukazzjoni, mhux biss fl-iskola imma anke wara.” Il-Kap tal-PN saħaq li f’dan is-settur il-Gvern seta’ jagħmel aħjar. “Ejjew verament nagħtu valur u mhux biss nitkellmu dwar l-arti imma l-arti rridu nsaħħuha u l-PN anke għal dan is-settur għandu l-pjanijiet li se jkun qed iħabbar fil-ġimgħat li ġejjin fejn jogħla l-livell għal possibiltà ta’ aktar studju u suċċess f’dan il-qasam.”

Tul il-programm speċjali li tella’ l-PN, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-ħaddiema li tul il-pandemija spiċċaw mingħajr xogħol jew b’nuqqas kbir ta’ xogħol. Appella lil Gvern biex ikun responsabbli fejn jidħlu miżuri u tneħħija tagħhom fejn fost l-oħrajn reġa’ tkellem dwar l-importanza li jsir screening serju fil-punti tad-dħul fil-pajjiż. Fakkar li l-PN qed jibqa’ jagħmel il-proposti tiegħu biex mhux biss ngħelbu l-isfidi tal-pandemija issa, imma nkunu nistgħu ngħixu ħajja normali wara l-COVID-19 anke fir-riperkussjonijiet li dan il-virus jista’ jħalli. “Gvern serju huwa dak li jippjana jew jaħseb x’jista’ jinqala u tantiċipa, għandek responsabiltà li tagħmel dan għax jekk le tkun qed tonqos b’mod serju lill-poplu Malti u Għawdxi.”