Futbol Sport

L-MFA twaqqaf kumitat konsultattiv bl-isem ta’ Advisory Committee on Anti-Money-Laundering

(Ritratt: Catriel Farrugia)

F’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, kien approvat kumitat konsultattiv bl-isem ta’ Advisory Committee on Anti-Money-Laundering fejn dan il-kumitat se jkun iffurmat minn professjonisti fil-qasam tal-anti-money laundering (AML) u se jkun qed jistudja u jressaq abbozz u proposti quddiem l-Assoċjazzjoni, b’diversi miżuri li għandhom isaħħu l-governanza tajba fl-operat tal-klabbs tal-futbol u b’hekk jinħolqu rekwiżiti regolatorji li jikkonfrontaw kull tip ta’ frodi u illeċitu finanzjarju. 

Il-miżuri li l-MFA mistennija tadotta fi żmien qasir mistennija jinkludu estensjoni tal-proċess ta’ due diligence aktar rigoruż fost il-kumitati u amministraturi oħra li jaħdmu fil-klabbs tal-futbol. L-għotjiet, self ta’ flus u sponsorizzazzjonijiet iridu jkunu ddikjarati biex tkun identifikata l-provenjenza tal-flus u b’hekk tissaħħaħ it-trasparenza u l-kontabbilità fil-ġestjoni finanzjarja.

F’laqgħa li saret mal-ġurnalisti fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, semma kif it-tisħiħ tal-amministrazzjoni tal-klabbs huwa parti mir-riforma ta’ governanza skont l-istrategija tal-Assoċjazzjoni.

Il-President Vassallo saħaq, “qabel kollox tajjeb ngħidu li l-maġġoranza assoluta tal-uffiċjali fil-futbol huma nies korretti u li qegħdin hemm għaliex iħobbu l-logħba tal-futbol u lill-klabbs li jirrappreżentaw.

Dan il-proċess min-naħa tal-Assoċjazzjoni qed isir ukoll bl-involviment tal-awtoritajiet kompetenti, biex dak li għaddej minnu pajjiżna fir-rigward ta’ lakuni leġiżlattivi jiġi rifless ukoll fil-qasam sportiv f’Malta.