Futbol Sport

Man City pass ‘il bogħod mit-titlu…jiddependu mir-riżultat tal-konfront bejn Man Utd u Liverpool

(Ritratt: EPA)

Manchester City jistgħu jaċċertaw illum mir-rebħ tal-Premier League wara li għelbu lil Crystal Palace, 2-0, f’Selhurst Park u meta issa qed jistennew ir-riżultat tal-konfront f’Old Trafford bejn Manchester United – li jinsabu t-tieni fil-klassifika – u Liverpool.
Fil-fatt, is-Citizens ikunu jistgħu jiċċelebraw it-tielet titlu f’erba’ staġuni f’sitwazzjoni fejn Liverpool joħorġu bit-tliet punti għall-ispejjeż tar-Red Devils – bit-tim ta’ Pep Guardiola hu anki favorit kbir li jgħaddi għall-finali taċ-Champions League ( wara r-rebħa fl-ewwel leg fuq Paris St Germain) għall-ewwel darba fl-istorja.
Intant, żewġ gowls fi spazju ta’ 83 sekonda kienu biżżejjed biex jikkundannaw lil Palace u jwasslu lil City sa pass ‘il bogħod mis-suċċess finali fil-kampjonat.
L-ewwel taqsima ftit ipproduċiet azzjonijiet denji ta’ nota, iżda l-attakkant ta’ Palace, Christian Benteke, mar viċin li jiżblokka r-riżultat b’xutt mill-qrib li kien salvat minn Ederson.

Fit-tieni taqsima, Sergio AGUERO (57) – li kien qed jirritorna fit-tim wara assenza twila – spara ġewwa għall-ewwel gowl tal-logħba, b’Ferran TORRES (59) jissiġġilla r-riżultat b’xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper, Guaita. Punt interessanti hu li Aguero qatt qabel ma kien sab ix-xibka f’Selhurst Park u b’hekk, l-Arġentin sar it-12-il plejer li skorja f’talanqas 30 stadium differenti fil-Premier League. Il-gowls, fl-istess ħin, temmew kull ħjiel ta’ reżistenza minn Palace li jiqbgħu fit-13-il post tal-Premier League, b’rashom mistrieħa mir-relegation. Intant, Manchester City issa fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt fuq Man Utd u jidher li hi biss kwistjoni ta’ ‘meta u mhux jekk’ huma jkunux inkoronati Champions tal-Ingilterra.

Chelsea qabżu waħedhom fir-raba’ post tal-Premier Ingliż b’rebħa 2-0 fuq Fulham fid-derby ta’ Londra li ntlagħab fi Stamford Bridge. Ir-riżultat jista’ ikun sinifikanti għall-Cottagers li qegħdin jidhru destinati għal ritorn bikri f’The Championship u meta t-tim ta’ Scott Parker issa irid jegħleb distakk ta’ disa’ punti mar-raba’ tim mill-aħħar – f’dan il-każ, Newcastle United. Il-Blues komplew bil-vena formidabbli mindu ħa t-tmun tat-tim Thomas Tuchel u kellhom jistennew biss għaxar minuti biex imorru fil-vantaġġ minn Kai HAVERTZ wara li żmarka ruħu fuq l-assist preċiż ta’ Mason Mount. Fil-bidu tat-tieni taqsima kien l-istess Havertz (49) li rdoppja għal Chelsea, wara azzjoni maħduma minn Werner — b’dan il-gowl prattikament jagħlaq il-logħba, b’Fulham ma jkollhom l-ebda risposta għas-superjorità tal-avversarji.

F’Goodison Park, wara r-rebħa fuq Arsenal, Everton sofrew telfa mhux mistennija meta kienu megħluba minn Aston Villa 2-1. OLLIE WATKINS fetaħ l-iskor għall-Villains wara 13-il minua biex l-attakkant ta’ Everton DOMINIC CALVERT-LEWIN ġab l-iskor indaqs sitt minuti wara. Il-gowl li ta t-tliet punti lil Aston Villa wasal fil-81 minuta permezz ta’ ANWAR EL-GHAZI.

Brighton and Hove Albion huma viċin is-salvazzjoni wara li għelbu lil Leeds United, 2-0, fl-Amex Stadium.Ir-rebħa tfisser li t-tim ta’ Graham Potter kompla jkabbar il-vantaġġ fuq it-tliet tims fiz-zona l-ħamra u bis-Seagulls, issa, huma favoriti netti li jaċċertaw mill-ħames staġun konsekuttiv fl-ogħla diviżjoni Ingliża. Brighton bdew il-logħba fuq l-attakk u fl-14-il minuta, Pascal GROSS ikkonverta penalty wara l-fawl fil-kaxxa ta’ Alioski fuq Danny Welbeck. Is-Seagulls, imbagħad, ħlew numru ta’ ċansijiet biex iżidu l-vantaġġ iżda għaxar minuti mit-tmiem, WELBECK ikkonkluda għat-2-0 finali wara azzjoni personali

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ:
 Southampton v Leicester 1-1 Illum: C. Palace v Man City 0-2, Brighton v Leeds 2-0, Chelsea v Fulham 2-0, Everton v A. Villa 1-2 Għada: Newcastle v Arsenal 3.00pm, Man Utd v Liverpool 5.00pm, Tottenham v Sheff Utd 8.15pm It-Tnejn: WBA v Wolves 7.00pm, Burnley v West Ham 9.15pm