Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga

Raġel ta’ 35 sena li jgħix il-Marsa ġie arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga. Hu ġie arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. L-istess skwadra arrestat żagħżugħ ta’ 21 sena, residenti l-Kalkara, wara li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Ħamis filgħaxija, il-Pulizija għamlet rejd fit-Telgħa ta’ Spencer fil-Marsa u arrestat lir-raġel ta’ 35 sena wara li nstab fil-pussess tad-droga lesta għat-traffikar. Wara din is-sejba, il-Pulizija għamlet tfittxija fir-residenza tiegħu fil-Marsa stess u nstabet droga suspettata kokaina, eroina, kannabis u methadone, fost oġġetti oħra relatati mad-droga.

Ir-raġel ta’ 21 sena ġie arrestat fl-istess triq. Hu kien qed jikser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

L-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella.