Kultura Lokali

Titħabbar is-Sensiela ta’ Simpożji tal-Presidenza dwar il-Kultura

L-Uffiċċju tal-President qed iniedi sensiela ta’ simpożji kulturali bil-għan li jiġu esplorati u spjegati r-rabtiet storiċi u kulturali uniċi ta’ Malta ma’ pajjiżi sħab importanti. ‘Is-Sensiela ta’ Simpożji tal-Presidenza dwar il-Kultura’ ser tistinka wkoll biex toffri l-kultura bħala għodda diplomatika f’idejn l-ogħla uffiċċju tal-Istat filwaqt li trawwem id-djalogu u l-iskambji kulturali bejn l-esperti u r-riċerkaturi fiż-żewġ pajjiżi u lil hinn minnhom.

Il-President ta’ Malta George Vella qal, “L-iskambju ta’ ideat, informazzjoni, arti, lingwi u aspetti oħra tal-kultura fost in-nazzjonijiet u l-popli tagħhom irawwem fehim reċiproku. L-arti, ix-xjenza, il-kultura u l-mużika taw kontribut, kemm flimkien kif ukoll individwalment, biex jitrawwem passat komuni. Fil-fatt, il-legat ma jistax jitħassar, għalkemm ħafna drabi jiċċajpar xi ftit maż-żmien. Ħafna elementi huma magħrufa u ppubblikati. Aspetti oħra, li dawn is-simpożji jwiegħdu li jippreżentaw u jiċċelebraw, huma inqas magħrufa”.

Is-sensiela ser tibda b’simpożju li ser isir fl-istess waqt fuq servizz ta’ vidjowkonferenza u fuq il-paġna tal-President fuq Facebook b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata tar-Repubblika Franċiża f’Malta. Taħt it-tema ‘Malta and France: Shared Histories, New Visions’ (Malta u Franza: Passat Kondiviż, Viżjonijiet Ġodda), din ser issir nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju 2021 fid-9am.

Is-simpożju ser jiġi indirizzat mill-President ta’ Malta; Clément Beaune, Segretarju tal-Istat ta’ Franza għall-Affarijiet Ewropej; Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej; Brigitte Curmi, Ambaxxatriċi tar-Repubblika Franċiża għal Malta; Carmelo Inguanez, Ambaxxatur ta’ Malta għar-Repubblika Franċiża; u numru ta’ kelliema interessanti li ser ikopru diversi aspetti tar-rabtiet storiċi u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Kull min hu interessat jipparteċipa permezz tas-servizz ta’ vidjowkonferenza jista’ jirreġistra billi jibgħat email fuq oprculturesymposia@gov.mt.​