Lokali Qorti

Allegat li sawwat u pprova jifga persuna b’ċinga ta’ kelb

Żagħżugħ ta’ 21 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fejn fost l-oħrajn hu allegatament pprova jifga lis-sieħba tiegħu b’ċinga ta’ kelb. Waqt l-argument li kellhom il-koppja, il-mara waqgħet mal-art u kisret żewġ irkiekel ta’ daharha.

Il-każ imur lura għal April fejn il-Pulizija rċiviet rapport ta’ argument bejn koppja, fosthom l-allegat Daniel Mc Gahern. Hekk kif waslu fuq il-post, is-sieħba tiegħu bdiet titlob għall-għajnuna medika tant li minnufih ittieħdet l-Isptar Mater Dei għal kura, fejn hemm ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi. L-għada li hi ntbagħtet lura d-dar, il-mara reġgħet lura l-Isptar, fejn hemm qalulha li għandha bżonn isirulha xi interventi mediċi.

Fil-Qorti ntqal li kollox beda minn argument dwar karozza, bir-raġel allegatament jaqbad jagħti lill-mara u pprova jifgaha b’idejh u b’ċinga tal-klieb. Kien hawnhekk fejn il-mara gidmet lir-raġel f’idu f’attentat biex jeħlisha. Sfortunatament, il-mara waqgħet b’lura u kisret żewġ irkiekel daharha.

Id-difiża qalet li Mc Gahern kien jinsab fl-appartament tal-mara biex jippakja l-affarijiet tiegħu u jitlaq darba għal dejjem. Madanakollu, id-difiża kompliet tgħid li l-mara waslet lura fl-appartament tagħha, b’Mc Gahern isostni li kienet il-mara li bdiet il-ġlieda.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest li għamel Mc Gahern sakemm jinstemgħu x-xhieda kollha.