Lokali

Anzjan jispiċċa aggredit wara li waqqaf tnejn milli jagħmlu ħsara fuq vettura ta’ CPD

Anzjan ta’ 72 sena mar jipprova jwaqqaf żewġ persuni li kienu qed jagħmlu ħsara fuq vettura pparkjata tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fi Triq il-Kbira, San Ġiljan u sofra minn ġrieħi gravi wara li ġie aggredit miż-żewġ persuni għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ dalgħodu.

Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett li minnufih marru fuq il-post hekk kif daħlilhom rapport li kien inqala’ argument fl-imsemmija triq. Jidher li hekk kif l-anzjan prova jwaqqaf liż-żewġ persuni, hu ġie aggredit u ħarbu minn fuq il-post.

Aktar tard, iż-żewġ persuni ġew identifikati; Irlandiż u Spanjola ta’ 23 sena li jgħixu San Ġiljan. Huma ġew arrestati ftit tal-ħin wara fi Triq Karmnu, San Ġiljan.

L-anzjan ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-mara u r-raġel qiegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.