Futbol Sport

Arsenal jiksbu tliet punti kontra Newcastle… Tottenham b’rebħa f’darhom grazzi għal hat-trick ta’ Gareth Bale

(Ritratt: EPA)

Arsenal jegħlbu lil Newcastle Utd f’St James Park. L-attakkant ta’ Arsenal, Pierre-Emerick Aubameyang, skorja mar-ritorn tiegħu fit-tim tal-Gunners fir-rebħa 2-0 fuq Newcastle United, f’St James Park. Aubameyang, li għamel żmien ibati bil-malarja, kien strumentali f’dan is-suċċess li għandu jqawwi l-moral ta’ Arsenal qabel it-tieni leg tas-semi finali tal-Ewropa League kontra Villareal, fejn il-Gunners iridu jegħlbu żvantaġġ ta’ 2-1 biex jgħaddu għall-finali.

Newcastle, li huma prattikament salvi, ftit offrew sfida tul il-logħba, bil-Gunners imorru fil-vantaġġ minn Mohamed Elneny wara biss ħames minuti – bl-Eġizzjan jegħleb lill-gowlkiper, Dubravka, b’xutt għar-rokna. Ir-reazzjoni tal-Geordies ma seħħitx u fit-tieni taqsima, Aubameyang – li kien ilu nieqes mit-tim mit-3 April – aċċerta mill-punti meta spara ġewwa mill-viċin (66) fuq l-assist ta’ Martinelli. Fl-aħħar tal-konfront, tkeċċa d-difensur ta’ Newcastle, Fabian Schar, wara daħla kerha fuq Martinelli, bil-Geordies jispiċċaw il-logħba fuq nota ħażina. Madankollu, Newcastle, matul ix-xahar li għadda, għamlu biżżejjed biex iserrħu rashom minn kull inkwiet u għadhom b’vantaġġ ta’ disa’ punti fuq Fulham – it-tielet tim mill-aħħar – meta jonqoshom jilgħabu l-aħħar erba’ logħbiet tal-kampjonat.

Tottenham kisbu rebħa faċli ta’ 4-0 fit-Tottenham Stadium kontra Sheffield United. L-eroj għal Tottenham kien Gareth Bale li skorja hat-trick bi tliet gowls ta’ kwalita’ għolja ħafna. Huma fetħu l-iksor fis-36 minuta meta Serge Aurier għadda lejn GARETH BALE li konkluda għal ġewwa. GARETH BALE għamilhom tnejn fil-61 minuta din id-darba fuq pass ta’ Heung Min Son, bit-tielet gowl tal-personali għal GARETH BALE u t-tielet wieħed għal Tottenham jasal fid-69 minuta ,wara pass ta’ Serge Aurier. Tottneham skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom permezz tal-Korejan HEUNG MIN SON meta wara pass ta Steven Bergwijn, dawwar il-ballun tajjeb fl-anglu tal-lasta għal skor finali ta’ 4-0.

Min-naħa l-oħra l-partita li kellha tintlagħab f’Old Trafford bejn Manchester United u Liverpool ġiet posposta hekk kif diversi partitarji li kienu qed jipprotestaw sħiċċaw biex daħlu f’Old Trafford, filwaqt li njoraw ir-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid 19. B’hekk iż-żewġ timijiet flimkien mal-Premier League qablu li l-partita ghandha tkun posposta għal data oħra li titħabbar fil-jiem li ġejjin. Sadanittant il-protesti fl-aħħar ġimgħat qed jkomplu jkabbru l-pressjoni fuq i s-sidien ta’ Manchester United, il-familja Glazer, sabiex jirriżenjaw, speċjalment wara li Man Utd kienu se jkunu parti mill-European Super League li kien propost u li sfaxxa fi ftit tal-jiem.

Il-Ġimgħa Southampton v Leicester 1-1 Ilbieraħ Crystal Palace v Man City 0-2, Brighton v Leeds 2-0, Chelsea v Fulham 2-0, Everton v Aston Villa 1-2 Illum Newcastle v Arsenal 0-2, Man Utd v Liverpool posp., Tottenham v Sheffield Utd 4-0
Għada West Brom v Wolves 7.00pm, Burnley v West Ham 9.15pm