Internazzjonali

Covid-19: Il-Portugall jestendi r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mal-pajjiżi l-aktar affettwati mill-coronavirus

Il-Gvern tal-Portugall estenda r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar lejn u mill-pajjiżi l-aktar affettwati mill-pandemija tal-Covid-19 sas-16 ta’ Mejju.

Is-sorsi f’Lisbona qalu li parti minn din ir-raġuni hi biex l-awtoritajiet jillimtaw kemm jistgħu l-possibbiltà li jinfirxu l-varjanti tal-virus li oriġinaw fil-Brażil u l-Indja – bil-Portugall, l-istess bħall-Istati tal-Unjoni Ewropea, qed jaħseb biex jiftaħ għas-sajf wara xhur ta’ lockdown.

Ir-restrizzjonijiet se japplikaw għall-persuni li jkunu ġejjin mill-pajjiżi fejn l-inċidenza tal-Covid hi ‘ugwali jew aktar’ minn 500 każ għal kull 100,000 abitant. F’din is-sitwazzjoni huma kunsidrati bħala essenzjali biss it-titjiriet għal raġunijiet professjonali jew ta’ studju – l-istess bħal xi reunjoni ta’ familja u raġunijiet umanitarji u tas-saħħa.

Pajjiżi bħal Ċipru, il-Kroazja, il-Brażil, l-Indja, Franza, il-Litwanja, l-Olanda, l-Afrika t’Isfel u l-Iżvezja huma inklużi f’din il-kategorija, bin-nies li jivvjaġġaw għall-Portugall minn dawn il-pajjiżi jridu jgħaddu minn erbatax-il jum ta’ kwarantina mal-wasla tagħhom.

In-nies li jkunu ġejjin mill-pajjiżi b’inċidenza tal-virus ugwali jew akbar minn 150 każ għal kull 100,000 abitant jistgħu jivvjaġġaw lejn il-Portugall għal sitwazzjonijiet essenzjali iżda f’dan il-każ huma mgħandhomx bżonn li jqattgħu żmien fi kwarantina.

Sadanittant, il-Portugall temm l-istat ta’ emerġenza bil-ftuh tal-fruntieri tal-art ma’ Spanja, waqt li żdiedu s-sigħat ta’ servizz għall-ħwienet u r-ristoranti f’dan il-pajjiż.

Fi żviluppi oħra, l-Indja reġistrat l-ogħla ċifra ta’ imwiet mill-Covid-19 għal ġurnata waħda mill-bidu tal-pandemija – bl-awtoritajiet tas-saħħa fil-pajjiż jikkonfermaw li tilfu ħajjithom 3,689 persuna fil-perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa.

Il-Prim Minsitru Indjan, Narendra Modi, fl-aħħar sigħat, iltaqa’ mal-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżu fejn, flimkien, irrevedew il-kriżi li għadha f’livell allarmanti. Dan meta għad hemm problema kbira fl-isptarijiet fejn l-istaff mediku qed jipprova ‘iwettaq il-mirakli’ fost in-nuqqas kroniku ta’ sodod u provvisti tal-ossiġinu għall-pazjenti morda bil-Covid-19.

It-traġedja umana fl-Indja qed tiżviluppa meta, issa, beda l-għadd tal-voti wara l-elezzjonijiet li saru f’ħames Stati tal-pajjiż, bejn Marzu u x-xhar li għadda. Ir-riżultati għandhom jiddeterminaw kemm il-pandemija affettwat l-appoġġ popolari għal Narendra Modi u l-Partit tiegħu BJP, tal-Hindu.

Intant, ir-Russja rappurtat viċin id-9,000 każ ġdid tal-Covid għall-bieraħ u li jinkludu madwar 2,700 infezzjoni f’Moska. Iċ-ċifra uffiċjali tal-morda bil-Covid fir-Russja mill-bidu tal-pandemija issa qabżet l-4,800,000.

Intant, kelliema għat-task force tal-Gvern Russu nkarigat mir-reazzjoni għall-coronavirus qalu li talanqas 342 mietu mill-kawżi relatati mal-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa – bl-imwiet mill-virus fisr-Russja issa javviċinaw il-111,000.