Lokali

Eks Supretendent identifikat li għadda informazzjoni sensittività dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Mistenni jitressaq il-Qorti l-eks Supretendent tal-Korp tal-Pulizija suspettat li għadda informazzjoni sensittiva dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta, li tirrapporta li minn interċettazzjonijiet u sorveljanza li saret mill-investigaturi, wasslet sabiex Raymond Aquilina kien is-suspettat ewlieni li kien qed jiżvela informazzjoni lil nies li huma barra mill-Korp.

Aquilina, li kien imexxi l-unit ta’ kontra l-ħasil tal-flus fit-taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Korp, kien arrestat fl-aħħar sigħat  u mistenni li jkun mixli bi proċeduri kriminali fil-jiem li ġejjin.

Kien fis-sajf tal-2019, meta s-Supretendent Aquilina deher dieħel fl-uffiċċju ta’ Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċita fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Cremona hu suspettat li kien qed jgħaddi kommunikazzjoni bejn Fenech, Melvin Theuma u Keith Schembri, eks Chief of Staff tal-eks PM Joseph Muscat.

Mir-recordings ta’ Melvin Theuma, il-middleman li ngħata l-maħfra presidenzjali, ħareġ li Theuma kien jaf minn qabel li l-Pulizija se jwettqu raid fuqu b’rabta ma’ reati ta’ ħasil ta’ flus. Theuma mhux biss kien jaf liema propjetajiet kienu fil-mira tar-raid iżda saħansitra kien jaf minn se jkun l-uffiċjal tal-Pulizija li se jinterrogah.

Hu mifhum li dawn id-dettalji sensittivi ingħataw lil Theuma minn l-eks Supretendent Raymond Aquilina.

Minbarra l-akkużi serji li llikja informazzjoni sensittiva lil terzi persuni, Raymond Aquilina jinsab ukoll fil-mira ta’ investigazzjoni b’rabta ma’ ħasil ta’ flus.

Dan hu t-tieni ufficjal tal-Korp li nstab li kellu qrubija ma’ persuni li suppost kien qed jinvestiga. Fil-bidu tas-sena li għaddiet, l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta irriżenja mill-Korp wara li nstab li kellu ħbiberija mill-qrib ma’ Yorgen Fenech.