Lokali

Fil-ġimgħat li ġejjin il-PN se jressaq proposti għal saħħa mentali aħjar – Bernard Grech

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ivara l-proposti tiegħu b’risq saħħa mentali aħjar f’pajjiżna.

Hekk ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt l-intervista tal-Ħadd filgħodu, fejn spjega li għalih, is-saħħa mentali mhix problema li għandna nindirizzaw biss meta sseħħ, iżda anke bl-edukazzjoni.

Fil-fatt, hu qal li t-tfal għandhom ikunu mgħallma sa minn ċkunithom kif jitrattaw dawn il-kwistjonijiet, l-emozzjonijiet u d-diffikultajiet ħalli meta jikbru, ikunu kapaċi jaffrontawhom.

Bernard Grech irrefera għall-pandemija li għaddejjin minnha u kif din wessgħet il-problema tas-saħħa mentali, partikolarment minħabba l-għejja mentali, li mbagħad tista’ twassal għal problemi oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ wkoll l-isfidi infrastrutturali li għandu pajjiż, fosthom il-ħtieġa ta’ sptar mentali ħafna aħjar minn Monte Carmeli, kif ukoll ċentri oħrajn li joffru servizzi relatati għal dawn il-probemi.

Hu rrefera għal omm li dan l-aħħar kellmitu dwar it-trattament inuman li kellu binha, fejn qal li fiż-żminijiet tal-lum dan m’għandux ikun u kull pazjent ħaqqu jkollu d-dinjità tiegħu mħarsa.

Madankollu, sostna Bernard Grech, hemm bżonn ukoll ta’ għajnuna mhux neċessarjament fi strutturi. U hu hemm fejn, bħala pajjiż, irridu naħdmu ħafna biex insaħħu dik l-għajnuna.

Tenna li l-problemi ta’ saħħa mentali diġà huma magħna, iżda l-esperti qed ibassru li din se tkun l-epidemija tal-futur għax se tkun qed taffettwa numri kbar ta’ persuni madwar id-dinja kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-kwistjoni hi għal qalbu ħafna u għalhekk se jara li, ladarba l-Gvern ma kellux roadmap, Gvern ġdid immexxi minnu jipprepara għal dak kollu meħtieġ.