Lokali

Il-familja Barbara tinġieb lura Malta

Martu u t-tarbija waslu lura mill-Indja wara li r-raġel miet bil-COVID-19

Xena ta’ qsim il-qalb… Dak li kellu jkun l-iktar jum ta’ ferħ għall-Familja Barbara spiċċa l-aktar jum ta’ niket.

Kienu ftit qabel is-6.30pm tal-Ħadd – propju l-għada tal-anniversarju tal-koppja Ivan u Rosanne – meta neżlin minn ajruplan fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dehru l-omm flimkien ma’ binthom adottiva wara vjaġġ mill-Indja.

Madanakollu, sfortunatament, Ivan ma kellux ix-xorti li jibda dan il-kapitlu l-ġdid mal-kumplament ta’ familtu.

Ivan u Rosanne telgħu l-Indja bil-pjan li jinżlu lura Malta flimkien ma’ binthom … li kienu ilhom ix-xhur, jekk mhux is-snin, bi proċeduri sakemm fl-aħħar kellhom iċ-ċans li jitilgħu għaliha.

Iżda sfortunatament, fl-Indja, huma rriżultaw pożittivi għall-Covid-19, bil-kundizzjoni ta’ saħħet ir-raġel tibda tmur għall-agħar jum wara l-ieħor.

Il-ħsieb kien li Ivan jinġieb Malta għall-kura l-Ġimgħa li għadda, permezz ta’ air ambulance. Dan wara li hu għadda diveri jiem rikoverat fi Sptar qrib il-kapitali.

Iżda, meta propju kien abbord l-air ambulance, hu tilef il-ġlieda għal ħajtu meta l-ajruplan kien għadu lanqas qata’ mill-art.

Il-katavru ta’ Ivan ġie kkremat fl-Indja stess, bil-fdalijiet jitwasslu Malta wkoll flimkien mal-kumplament tal-familja l-Ħadd filgħaxija.

S’issa għadu mhux magħruf jekk Ivan u martu kienux infettati bil-varjant Indjan.