Lokali

Il-Gvern se jisfida lill-NAO minkejja rapport ieħor ta’ kundanna

Il-Gvern ta’ Robert Abela jidher li se jkun qed jisfida lill-Awditur Ġenerali u lill-Uffiċċju tiegħu (NAO) hekk kif mhux se jagħti kas ta’ rapport ippubblikat il-Ħamis li għadda dwar deal mogħti b’direct order fir-Residenza San Vinċenz de Paule u li jmur kontra l-Liġi.

Fi stqarrija – tlett ijiem wara l-pubblikazzjoni tar-rapprt – il-Gvern qal li se jibqa’ għaddej bil-kuntratt, li hu mifrux fuq 15-il sena, filwaqt li pprova jiġġustifika kemm dan id-direct order kien importanti għall-ħidma ta’ San Vinċenz de Paule.

Dan minkejja li l-NAO sab li, ta’ kull sodda, il-Gvern qed iħallas b’rata ta’ €118 għal kull sodda jew id-doppju ta’ kemm iħallas għar-Residenzi privati. Iżda dan il-kuntratt, li ġie jiswa €274 miljun, lanqas biss tela’ quddiem il-Kabinett.