Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq takkuża lill-President Biden dwar ‘politika ostili’

Il-Korea ta’ Fuq infexxet f’attakk verbali ieħor fil-konfront tal-Gvern tal-Istati Uniti u waqt li l-amministrazzjoni f’Washington kienet qed tħejji l-istrateġija biex tindirizza lir-reġim komunista fi Pyongyang u l-programmi nukleari tiegħu.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, sadanittant, qal li l-aħħar kummenti min-naħa ta’ Washington ‘urew li l-President Amerikan Joe Biden hu determinat li jinsisti bil-politika ostili fil-konfront ta’ Pyongyang’.

Dan wara li Biden, ftit tal-jiem ilu, irrefera għall-programm nukleari tal-Korea komunista bħala ‘theddida serja’ għas-sigurtà tad-dinja.

Skont il-kelliema f’Washington, il-President tal-Istati Uniti spjega li ‘iċ-ċirkustanzi taż-żmenijiet partikulari għandhom jiddeterminaw kif hu għandu jitratta mal-Korea ta’ Fuq .

L-evalwazzjoni tal-politika Amerikana fil-konfront ta’ Pyongyang kienet konkluża fl-aħħar tal-ġimgħa, bil-kelliema jgħidu li Biden ‘tgħallem mill-esperjenza tal-Gvernijiet Amerikani preċedenti li pruvaw u fallew fit-tentattivi biex iġiegħelu lill-Korea komunista tabbanduna l-programmi għall-armi nukleari’.

L-Istati Uniti, għalissa, mhix taħseb biex tasal f’xi ‘ftehim spettakolari’ ma’ Pyongyang u lanqas ma temmen ‘fil-paċenzja fit-tul’ waqt it-trattativi ma’ pajjiż imprevedibbli bħall-Korea ta’ Fuq. Għaldaqstant, il-Gvern Amerikan se juża metodi prattiċi li jħallu wisgħa għad-diplomazija – u waqt li jieħu ħsieb il-progress tal-impenji biex tiżdied is-sigurtà għall-Istati Uniti u l-alleati tagħha.