Futbol Sport

Inter champions tas-Serie A wara ħdax-il sena

Inter huma ċ-champions l-ġodda tas-Serie A wara ħdax-il sena hekk kif Atalanta temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Sassuolo, biex matematikament għamilha impossibli li Inter jintlaħqu fil-quċċata tal-klassifika.

Inter għandhom 82 punt b’Atalanta telgħu fit-tieni post b’ 69 punt, l-istess punti daqs Napoli u Milan. Hekk kif fadal biss erba’ partiti sa tmiem l-istaġun Inter rebħu 25 partita filwaqt li ġew draw seba’ darbiet, u sofrew biss żewġ telfiet.

Għal Inter dan se jkun id-dsatax-il Serie A li rebħu u l-ewwel wieħed sa mill-2010, dakinhar taħt Jose Mourinho. It-tim immexxi minn Antonio Conte, is-sena l-oħra temm fit-tieni post wara Juventus, iżda din is-sena żammew konsistenti tul l-istaġun kollu, biex meritatament rebħu s-Serie A tal-istaġun 2020/21.