Internazzjonali

Iżrael: Jum ta’ luttu għall-vittmi tar-rassa

Il-poplu Iżraeljan  osserva jum ta’ luttu għall-45 persuna li mietu mgħaffġin f’rassa waqt festival reliġjuż għal-Lhud li kien organizzat nhar il-Ġimgħa fuq il-Muntanja Meron. Intant, żiedu l-mistoqsijiset dwar ‘min irid jagħti kont’ għal wieħed mill-akbar diżastri ċivili fl-istorja moderna ta’ Iżrael.

Il-funerali tal-vittmi, skont it-tradizzjoni tal-Lhud, kienu qed isiru mill-aktar fis possibbli u ladarba l-awtoritajiet ikkonkludew l-identifikazzjoni tal-mejtin. Dan wara li r-rassa tal-Ġimgħa rriżultat ‘f’piramida ta’ katavri’ f’passaġġ partikulari taz-zona waqt il-pellegrinaġġ annwali tal-Lhud ultra-Ortodossi li kienu qed iżuru l-qabar tar-Rabbi Shimon Bar Yochai, li kien jgħix fit-tieni seklu.

Hu kalkulat li mal-100,000 attendew l-avveniment tal-Ġimgħa bl-Iżraeljani, issa, iridu jkunu jafu jekk il-Gvern u l-pulizija żammewx lura apposta milli jillimitaw il-folol fis-sit biex ma jirrabjawx lir-rabbis u politiċi ultra-Ortodossi li għandhom influwenza partikulari fil-pajjiż. Dan meta l-ispetturi, snin ilu, kienu dikjaraw is-sit tal-Muntanja Meron bħala ‘zona ta’ periklu’ għall-folol.