Internazzjonali

L-Afganistan: L-irtirar tat-truppi Amerikani mhux se jfisser l-aħħar tas-snin ta’ konflitt

L-irtirar formali – li għaddej bħalissa — tat-truppi Amerikani mill-Afganistan qed isir fl-isfond ta’ vjolenza kontinwa u konfronti ħorox bejn il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban u l-qawwiet tal-Gvern Afgan li fi ftit ġimgħat oħra ikunu kompletament responsabbli mis-sigurtà f’pajjiżhom.

Il-vjolenza qed issir f’nuqqas ta’ ftehim għall-paċi u minkejja li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qed jgħid li l-irtirar tat-truppi Amerikani ( mill-Afganistan) għandu jfisser it-tmiem ‘għal gwerra dejjiema’.

Il-vjolenza żgur li ma battietx fi tmiem il-ġimgħa, meta sensiela ta’ battalji fil-provinċja ta’ Ghazni ħallew numru mhux speċifikat ta’ mejtin. Fl-istess perjodu, inqatlu talanqas 25 persuna fi splużjoni ta’ karozza-bomba f’Pul-e-Alam, fil-provinċja ta’ Logar. Fl-isplużjoni ndarbu ‘il fuq minn 110 – fil-parti kbira studenti tal-iskola.

L-Istati Uniti u n-NATO ilhom iżommu preżenza fl-Afganistan għal kważi 20 sena u fi tmiem il-ġimgħa, kien ikkonfermat li l-irtirar tal-militar Amerikan mill-pajjiż għandu jkompli sal-11 ta’ Settembru.

Dan meta l-qawwiet tal-Gvern Afgan jinsabu fuq stat ta’ allert assolut għall-possibbiltà ta’ attakki mit-Talibani fuq is-suldati tal-Istati Uniti u n-NATO fl-aktar zoni perikolużi tal-pajjiż.

Għal Joe Biden, l-irtirar tat-truppi Amerikan hu ġustifikat għaliex il-qawwiet tal-Istati Uniti, issa, ‘aċċertaw’ li l-Afganistan qatt aktar ma jista’ isir bażi għall-ġiħadisti barranin biex jippjanaw l-attakki terroristiċi fuq il-Punent. Min-naħa tiegħu, il-President  Afgan, Ashraf Ghani, qal li l-qawwiet tiegħu huma kapaċi biex jikkontrollaw l-attentati tal-militanti biex jiddistabbilizzaw il-pajjiż.

Ghani qal ukoll li l-irtirar tas-suldati Amerikani u tan-NATO ifisser li t-Talibani mgħandhomx aktar skuża li ‘qed jiġġieldu kontra l-barrani’ fl-Afganistan. Iżda fil-verità, il-militanti se jibqgħu element qawwi ta’ theddida – b’ħafna Afgani jibżgħu li jistgħu jirritornaw ‘għaż-żmenijiet tad-dlam ( fid-disgħinijiet)’ meta t-Taliban kien qed imexxi lill-Afganistan.

Numru ta’ korrispondenti Afgani, fl-istess ħin, wissew li ‘it-Talibani ma nbidlux’ u li l-Istati Uniti ‘messha estendiet il-preżenza tagħha fl-Afganistan b’sena jew sentejn oħra’.

Sadanittant, qed jidher inevitabbli li l-konflitt fl-Afganistan se jkompli fost l-istaġnar tat-taħditiet għall-paċi bejn il-militanti u l-Gvern Afgan – u minkejja l-preżenza anqas ta’ barranin fil-pajjiż.