Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista se jara li l-artist ikollu aktar spazju fejn jiżviluppa għax jekk nemmnu dan, inkunu qed nibdew il-proċess biex pajjiżna jsir ċentru komplut ta’ kreattività.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat mill-istilista Luke Azzopardi, fejn tenna li meta nsemmu l-Edukazzjoni, m’għandniex inħarsu biss lejn l-Edukazzjoni tradizzjonali, iżda l-formazzjoni tal-individwu b’mod sħiħ.
Matul l-intervista, Bernard Grech tkellem ukoll dwar kif dawk il-koppji li jkollhom bżonn il-proċess tal-IVF qed ikollhom iħallsu eluf ta’ ewro għall-mediċini relatati, fejn tenna l-wegħda li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun verament qed jagħti l-proċess kollu kompletament b’xejn.
Dwar l-organizzazzjonijiet volontarji u l-NGOs, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk nemmnu verament f’dan is-settur, irridu naraw li jkollna soċjetà li jimpurtaha u li tagħti verament valur lill-volontarjat. Għalhekk qal li jrid li l-NGOs u l-għaqdiet volontarji jkunu mmonitorati mil-Liġi, iżda mhux b’regolamentazzjoni li tkissirhom.
Fil-ġimgħa li matulha tfakkar Jum il-Ħaddiem, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jixtieq iħares lejn skali aktar adegwati tal-pagi tal-ħaddiema għax hu hekk biss li nistgħu naraw kif il-ħaddiem jimxi ‘l quddiem. Iżda, f’dan l-istadju, l-ewwel irridu naraw li n-negozji jerġgħu jieqfu fuq saqajhom u jissaħħu. Fl-istess waqt, irridu napprezzaw aktar ir-rispett reċiproku bejn il-ħaddiem u min iħaddmu. Xi ħaġa li fl-aħħar xhur ħafna ħassewha aktar, fejn iż-żewġ naħat taw aktar mis-sehem mitlub minnhom biex il-kumpaniji tagħhom jibqgħu għaddejjin fost l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Dwar l-isfidi tal-housing – bil-prezzijiet tal-bini għolew b’rata akbar minn kemm żdiedu l-pagi – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif fi tmien snin, il-Gvern għadu ma inawgura l-ebda appartament ġdid ta’ housing soċjali. Dan filwaqt li l-pajjiż għandu jara kif juża’ aħjar postijiet li jinżammu vojta u mhux użati.
Bernard Grech qal ukoll li għalkemm il-kwistjoni tal-korruzzjoni kissret isem pajjiżna u dejqet ħafna nies, il-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll l-interessi individwali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax inutli titkellem dwar il-korruzzjoni biss, meta għandek min qed jiffaċċja sfidi iebsin ta’ kuljum.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal, pereżempju, li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun qed jara wkoll li jtejjeb l-ambjent personali ta’ kulħadd. Għax inutli tirranġa l-ħitan tas-sejjieħ meta għandek min qed jgħix f’postijiet ta’ livell inferjuri għad-dinjità tal-bniedem. Madankollu, irridu naraw ukoll li pajjiżna jingħata l-wiċċ sabiħ li verament jixraqlu.
U dwar l-immigrazzjoni, hu qal li kull persuna ħaqqha li nħarsulha d-drittijiet u d-dinjità tagħha, anke billi jkunu segwiti l-obbligazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, irridu nħarsu wkoll is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, anke bi proċessar adegwat tal-istatus tagħhom.
//= $special ?>