Internazzjonali

Mietet l-attriċi Olympia Dukakis

L-attriċi Amerikana Olympia Dukakis, li rebħet Oscar għar-rwol tagħha fil-film romantiku ‘Moonstruck’ ( tal-1987) mietet fl-età ta’ 89 sena wara li kienet ilha żmien tbati minn problemi tas-saħħa.

Minbarra li kienet attriċi rispettata ħafna f’Hollywood, Dukakis iddistingwiet ruħha wkoll fil-qasam tat-teatru – kemm bħala attriċi u anki bħala direttur.

Kien wara li għalqet il-50 sena li Dukakis ħarġet bħala protagonista f’numru ta’ films komiċi li għamlu suċċess kbir lejn l-aħħar tas-snin tmenin. Fost dawn hemm il-films ‘Steel Magnolias’, ‘Working Girl’ u ‘Look Who’s Talking’.

Minbarra dawn, Dukakis kellha rwol memorabbli bħala għalliema tal-iskola fil-produzzjoni Mr Holland’s Opus tal-1995 – u fl-aħħar snin hi tat interpretazzjoni memorabbli oħra fis-sensiela televiżiva Tales of the City tal-kumpanija Netflix.