Lokali

Wara 8 snin ta’ Gvern Laburista jammetti li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux kif suppost

Sitwazzjoni li tinvolvi "Il-maġġoranza..il-massa"

Wara 8 snin bil-pajjiż taħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburista l-Ministru Roderick Galdes ammetta li l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux kif suppost.

Hekk ta’ x’jifhem il-Ħadd filgħodu waqt l-analiżi tal-ġurnali fuq il-midja Laburista fejn spjega li rridu naraw li l-ħaddiema jkunu mħallsin u mħallsin tajjeb, bil-kundizzjonijiet ikunu kif suppost – bl-opinjonista Jackie Mercieca tisħaq li f’din is-sitwazzjoni tinsab “il-massa”.

Din id-dikjarazzjoni tasal wara snin ta’ ħaddiema jitkarrbu għall-attenzjoni u għajnuna hekk kif jew spiċċaw jaħdmu taħt il-prekarjat modern jew nkella sabiex jgħixu ħajja deskritta hekk bħala ħajja komda jispiċċaw jaħdmu żewġ impjiegi f’daqqa – bil-konsegwenza li jgawdu ftit li xejn lill-familja.

Persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li minkejja li l-Gvern Laburista jiprova jixħet din il-problema taħt it-tapit sa minn qabel il-pandemija kienu qed jaħdmu lejl u nhar biex wieħed ilaħħaq mal-ħajja – b’koppji jaħdmu 4 xogħlijiet bejniethom, b’uħud jisħqu li bilkemm kienu qed ilaħqu jgawdu lil uliedhom.

Tul din il-ġimgħa statistika mill-Unjoni Ewropea, maħruġa wkoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li fl-aħħar sena żdiedu bi kważi 9,000 il-familji li ma jifilħux għal daqqa finanzjarja mhux mistennija ta’ ‘l fuq minn €740.

Dan filwaqt li żdiedu b’aktar minn 16,000 l-familji li ma jifilħux jieħdu ġimgħa btala, hekk ukoll żieda ta’ aktar minn 2,000 fost il-familji li ma jifilħux jieklu laħam, tiġieġ jew ħut jumejn fuq xulxin, u madwar 2,000 familja wkoll li ma jifilħux mal-ispiża ta’ washing machine jew karozza.