Mark Spiteri Lucas, artist b’ħafna talenti mużikali u anke rajnieh kemm-il darba fid-drammi televiżivi, dan l-aħħar spikka bil-kanzunetta miktuba u interpretata minnu stess ‘Lil Binti’ li għaliha tnieda wkoll il-vidjo. Kif jistqarr hu stess, “din kienet il-kanzunetta li reġgħet biddlitli t-triq u reġgħet ġegħiltni ninnamra mal-kant. Xtaqt inħalli memorja viżiva lil binti Greta”. Għalkemm ma rnexxilhiex tgħaddi għall-finali ta’ Mużika Mużika, ‘Lil Binti’ hija fost l-aktar kanzunetta mfittxija u mitluba minn dan il-festival , kanzunetta li biż-żmien tista’ titqies ukoll fost il-klassiċi fir-ripertorju lokali.
Ma’ Mark Spiteri Lucas tkellimt fit-tul dwar din il-kanzunetta, il-vidjo tagħha li għadu kemm tnieda, u l-esperjenzi versatili fil-karriera tiegħu. Sintesi ta’ din l-intervista hi ppubblikata fil-gazzetta il-mument
- Mark inti ġej minn għeruq ta’ familja mużikali fosthom Oscar Lucas, John Charles Lucas, u Godwin Lucas li rajnik tkanta miegħu fil-festival Mużika Mużika. X’impatt ħallew fuqek u minn kien l-aktar li ħallielek influwenza?
Bla dubju ta’ xejn meta titwieled f’familja ta’ artisti bħal din, u allura titrabba mdawwar bil-mużika, xi ftit jew wisq ħa tislet jew aħjar tixrob xi ħaġa minn dak li tkun qed tara u tisma’ ta’ sikwit, partikolarment meta tkun għadek żgħir. Għalina l-mużika qatt ma fissret sempliċiment passatemp imma xi ħaġa aktar minn hekk. Ommi, b’mod partikolari, għaliex hija bint John Charles Lucas (in-nannu) dejjem emmnet li t-tagħlim tal-istrument irridu noħduh bis-serjetà għax jaf ifisser ukoll mez ta’ għajxien fil-futur. Imma sintendi xorta jrid ikun hemm it-talent u n-namra għall-mużika. U din kienet fija minn dejjem.
In-nannu miet meta kien għad kelli 7 snin u allura ftit jew kważi xejn ma lħaqtu biex seta’ jgħinni. Naħseb l-aktar li ħalla impatt fuqi anke jekk b’mod indirett u forsi bla ma kien jaf, kien iz-ziju Godwin, speċjalment fejn tidħol il-kanzunetta Maltija u l-parteċipazzjoni tiegħi f’diversi konkorsi u festivals. Dan għaliex niftakarni daqsxejn ta’ tifel nattendi flimkien mal-familja kollha l-festivals li kien jieħu sehem fihom hu matul is-snin tmenin u disgħin biex nagħtuh is-sapport. Dak iż-żmien iċ-ċapċip fis-swali kien importanti! Minn hemm bdejt dejjem ninteressa ruħi aktar. Illum huma memorji ħelwin imma, li komplew tawni l-vaċċin tal-imħabba lejn il-mużika.
- Fejn tgħallimt il-pjanu?
Bdejt nitgħallem ta’ 7 snin għand Ms. Mariella Scerri u domt għandha numru ta’ snin mhux ħażin. Aktar tard meta wasalt biex nibda nistudja għad-Diploma tal-ALCM, komplejt l-istudji tiegħi fit-teorija u l-armonija għand Mro. Lorry Borg u l-pjanu għand Mro. Paul Borg.
- Tgħallimt ukoll performing arts fosthom reċtar.
Ir-reċtar u l-performing arts inġenerali dejjem kienu dixxiplini li jinteressawni, anke jekk bdejt nitħarreġ fihom ta’ età pjuttost kbira. Fost l-għalliema li kelli kien hemm Patrick Vella.
- X’kienet l-ewwel kanzunetta li ktibt u meta?
L-ewwel kanzunetta li ktibt kien jisimha ‘An Echo to The Future’ b’lirika ta’ Joseph Chircop (mill-Ħamrun u llum m’għadux magħna). Kelli 16-il sena. Niftakar li biha kont ħadt sehem fil-Commonwealth Song Competition (selezzjoni interna) u ġiet klassifikata fit-tieni post fis-selezzjoni Maltija u fl-ewwel post tar-Reġjun Ewropew. Kienu kantawha ħija Ivan u Louiselle Vassallo. Qabilha kont ktibt xi ħaġa oħra imma qatt ma rat id-dawl.
- L-ewwel festival li pparteċipajt? X’kienet ir-reazzjoni tal-pubbliku?
L-ewwel festival li kont ħadt sehem fih bħala kompożitur u bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku kien fl-1994 fil-Konkors Kanzunetta Pawlina fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfraġu l-Belt. Il-kanzunetta kien jisimha ‘Il-Fidwa’. Hawnhekk bdiet il-kollaborazzjoni ma’ Paul Ellul. Ir-reazzjoni kienet tajba ħafna u din il-kanzunetta rebħet il-premju għall-aqwa lirika.
- Ħdimt ma’ diversi awturi tajbin, iżda naħseb li l-aktar li ħdimt kien ma’ Paul Ellul li wkoll irbaħt l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘Hawn Siġġu Nieqes’ fl-2013 interpretata minn Cherise Attard. Għandkom maġija ta’ suċċess. Ħdimt ukoll ma’ Joe Chircop, Rita Pace u Emil Calleja Bayliss. X’tikkummenta?
Kif għidt hawn fuq il-kollaborazzjoni tiegħi ma’ Paul tmur lura kważi 27 sena! Jien kont għadni student tiegħu fil-Form 5 fil-Kulleġġ Santu Wistin Tal-Pietà. F’Paul dejjem rajt għalliem idolu li ħalla wkoll impatt fuqi u fuq il-professjoni tiegħi bħala għalliem aktar tard matul ħajti. Niftakar li kont kellimtu biex niktbu kanzunetta flimkien. Paul kien diġà kiteb xi kanzunetti ma’ nies bħal Vince Fabri. Minn hemm ’il quddiem nibet dan it-tim biex ngħid hekk. Apparti l-festival L-Għanja tal-Poplu, ma’ Paul irbaħt ukoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza mhux inqas minn 3 darbiet fosthom fl-2001 bil-kanzunetta ‘Fejn Staħbejtli’ kantata minn Ira Losco.
Ma’ Joe Chircop, Rita Pace u Emil Calleja Bayliss ktibt diversi kanzunetti wkoll. Inħoss li meta jkollok lirika tajba u mexxejja imżewġa b’melodija tal-widna u effettiva kapaċi jinħolqu kanzunetti mill-isbaħ. Dak hu s-sigriet ta’ kanzunetti passati li sal-lum għadhom klassiċi. Jien nemmen ħafna fil-melodija. Dak hu l-istil tiegħi. U fuq il-lirika naqra fitt ukoll.. Kultant iżżejjed!!
- Ħadt sehem ukoll f’diversi edizzjonijiet ta’ Malta Song for Europe/Malta Eurovision Song Contest. Bla dubju l-akbar suċċess kien ‘She gives me wings’ f’kollaborazzjoni ma’ Rita Pace. Xi jfisser għalik dan is-suċċess u parteċipazzjonijiet oħra f’dan il-festival? X’taħseb dwar il-kanzunetta li tirrappreżenta lil Malta li qed tkun magħżula mingħajr festival b’detriment għall-kompożituri/awturi lokali?
Jidhirli li ħadt sehem 4 darbiet żgur! Il-Malta Song For Europe dejjem hija esperjenza. Qabel ma ħadt sehem fih għall-ewwel darba bħala kompożitur fl-1998, kelli wkoll ix-xorta li ndoqq fl-orkestra fl-1997! Kienet l-aħħar darba li sar bl-orkestra għax mis-sena ta’ wara beda jsir half-playback! L-iktar parteċipazzjoni riċenti tiegħi kienet fl-2007 b’ ‘She Gives Me Wings!’ Dakinhar nemmen illi kieku rbaħna ma konna nisirqu xejn. Jien u Rita ħdimna fuq kanzunetta bi stil Brit-Pop li lil Klinsmann, dak iż-żmien adolexxenti, xerqitlu ħafna. Ippreżentajna xi ħaġa friska b’pakkett interessanti li niżlet tajjeb ħafna mal-pubbliku Malti. Nemmen li kanzunetta bi stil simili ftit jew kważi xejn erġajna rajna fl-edizzjonijiet ta’ wara.
Rigward il-mod ta’ kif qed tintgħażel il-kanzunetta forsi hija tajba biex taqdi bl-aħjar mod il-pjanijiet u l-ħtiġijiet tad-delegazzjoni Maltija. Forsi l-flus li kienu jintefqu fil-festival qed jiġu investiti fir-rappreżentant/a Malti/ja biex tingħatalu aktar promozzjoni. Imma l-festival kif kien qabel kien vetrina għal talenti lokali li sfortunatament ingħalqet. Madankollu nemmen li b’din is-sistema l-kompożitur u l-awtur Malti mar minn taħt u s-songwriting lokali ħadet daqqa ta’ ħarta. Min-naħa l-oħra forsi nfetħu wkoll bibien oħrajn. Il-Malti ma jaqtax qalbu u dejjem jara kif isib niċeċ oħrajn. Ma ninsewx in-numru ta’ music vidjos li qed joħorġu u anke l-kollaborazzjonijiet ma’ artisti barranin anke fil-Eurovision stess, ta’ kompożituri u awturi lokali li kellna matul dawn l-aħħar snin.
- Is-sehem tiegħek fl-Għanja tal-Poplu u s-suċċess li kellek fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza li f’dan il-festival ħallejt ismek. Fejn Staħbejtli inqisha l-akbar suċċess tiegħek f’dan il-festival iżda ma jonqsux Dan il-Mument u Nistgħu Nirnexxu.
L-ewwel darba li ħadt sehem fl-Għanja tal-Poplu kien fl-1997 u anke fil-Konkors Kanzunetta Inidpendenza. Inħoss li dawn iż-żewġ festivals, għalkemm b’budgets forsi limitati għax mhumiex organizzati minn entitajiet governattivi, irnexxielhom iżommu ħajja l-kanzunetta Maltija bil-Malti anke f’perjodu fejn l-awtoritajiet kienu ħallew fil-ġenb għal bosta snin il-festival nazzjonali li jirrikonoxxi l-kanzunetta bi lsienna! Dawn imlew il-vojt u minnhom ħarġu bosta kanzunetti li baqgħu jissemmew. Fiż-żewġ festivals ipparteċipajt kemm bħala kompożitur għal bosta drabi u anke bħala kantant. Il-kanzunetti li semmejt inti b’mod partikolari ħallew impatt fuq firxa wiesgħa ta’ nies u b’mod partikolari l-kanzunetta ‘Fejn Staħbejtli’ nemmen li llum tista’ titqies bħala waħda klassika.
- Ippromovejt bosta kantanti u artisti ġodda jew promittenti. X’tikkkummenta?
Dejjem emmint fit-talent żagħżugħ. Bosta drabi ridt li nħares lejn talenti ġodda u bil-mod il-mod ngħinhom jaslu kemm jista’ jkun fil-quċċata b’materjal tiegħi u tal-kollegi tiegħi. Forsi mhux dejjem irnexxieli. Imma meta nħares lura nħossni kburi li introduċejt bosta kantanti li llum uħud minnhom komplew jimirħu lil hinn mill-festivals. Sintendi ħdimt ukoll ma’ bosta artisti stabbiliti u lil dawn nirringrazzjahom għaliex minkejja li forsi kont għadni żagħżugħ u relattivament ġdid fix-xena mużikali, ma ddejqux jinterpretaw kanzunetti minn tiegħi.
- Mużikalment versatili f’oqsma mużikali – kitba ta’ kanzunetti, żewġ musicals – ‘Robin Hood’ u ‘Sebaħ Jum’, marċ funebru (il-memorja ta’ Ċikku Spiteri) u oħrajn.
Ipprovajt inżewwaq ir-repertorju tiegħi u dejjem nipprova nidħol għal sfidi ġodda mhux neċessarjament fil-festivals..
- Album debuttanti ‘Ħajti’ nħareġ 10 snin ilu. Il-ħajja kompliet…. X’tikkummenta?
Iva… Niftakar il-ħabib tiegħi Andrew Zammit minn Tone Studios dak iż-żmien kien jgħidli missek tiġbor uħud mis-suċċessi li ktibt (sal-2011 meta ħareġ l-album) u tinkludihom f’album. Minn hemm u minn hawn smajt minnu u għamilt hekk. Album li ntlaqa’ tajjeb. Iżda l-ħajja kompliet u kif… Il-kitba tiegħi kompliet timmatura u minn dakinhar ’l hawn għandi ħafna iktar kanzunetti. Issa naraw.. Forsi jerġa’ jkellimni Andrew Zammit.
- Il-mużika Taljana għandha marka wkoll fl-idjoma mużikali li tikteb. Dan ukoll kien evidenti fil-kanzunetta miktuba u interpretata minnek, ‘Lil Binti’. Tfakkarni f’De Andre?
Il-mużika Taljana hija għal qalbi u tispirani ħafna mhux mużika oħra le. Imma fil-mużika Taljana nsib lili nnifsi. Jien togħġobni ħafna l-melodija u l-ħoss tal-produzzjoni tal-mużika li toħroġ mill-Italja għandha xi ħaġa partikolari fiha. Ma tismax kanzunetta bħal oħra u jagħtu kas ħafna tad-dettall. Fuq kollox il-lirika hija rikka ħafna. Ma ninsewx li dawn huma d-dixxendenti ta’ Dante, Leopardi, Verdi, Puccini u l-bqija. Imma fuq kollox huwa l-pajjiż fejn il-kant’awtur jixxala u huwa rispettat u apprezzat minn kulħadd.
- ‘Lil Binti’ ntlaqgħet tajjeb mill-pubbliku. Daħlet ukoll fil-klassifika Maltija. X’inhi t-triq li jmiss?
‘Lil Binti’ kienet il-kanzunetta li reġgħet biddlitli t-triq u reġgħet ġegħlitni ninnamra mal-kant. Kont ili ma nipparteċipa bħala kantant f’xi festival lokali. Kont ġejt qisni l-iskarpan li jsewwi ż-żraben ta’ kulħadd u tiegħu dejjem imqatta’. Ktibt kanzunetti għal bosta kantanti u jien dejjem bqajt fil-periferija. Il-kanzunetta li ktibt għal binti llum saret il-kanzunetta ta’ kulħadd. Nippruvaw inkomplu nterrqu dan il-vjaġġ bit-tama li noffru aktar kanzunetti biex inkomplu narrikkixxu r-repertorju tal-kanzunetta Maltija bi lsienna!
- Wara l-festival Mużika Mużika. Mark Spiteri Lucas ħa jkompli bħala kant’awtur?
Hekk hu l-ħsieb. Sintendi rrid dejjem insib il-mument opportun ta’ ispirazzjoni biex nerġa’ nikteb u min jaf forsi l-element maġiku ta’ ‘Lil Binti’ jerġa’ joħroġ f’xi silta oħra.
- Xi proġetti hemm mhux biss għal ‘Lil Binti’ iżda wkoll materjal ieħor ġdid?
L-istorja ta’ ‘Lil Binti’ kompliet bil-ħruġ tal-vidjo mużikali, produzzjoni ta’ Marlon Polidano b’direzzjoni artistika ta’ Ludwig Galea. Hemm xi materjal ieħor qed jinħadem. Hemm ukoll xi opportunitajiet oħra. Imma kollox pass pass. Fil-frattemp inkomplu ngawdu ftit is-suċċess ta’ ‘Lil Binti’ .
- Il-mużika lokali għamlet progress kbir mill-bidu li bdejt tieħu sehem inti fil-festivals. Anke l-kanzunetta bl-ilsien Malti fejn inqis dan iż-żmien bħala wieħed mill-isbaħ lejn dik li hija kanzunetta bil-Malti. Bands bħal Brikkuni, Brodu, Djun, Plato’s Dream Machine, Xtruppaw, The Travellers, Etnika, No Bling Show, Lapes, MJAW, u tant oħrajn.
Il-kanzunetta bi lsienna kapaċi tkun effettiva daqs dawk b’ilsna barranin. Aktar minn hekk, il-kanzunetta miktuba bl-ilsien Malti minn kompożituri u awturi Maltin hemm magħġuna fiha r-ruħ Maltija, dak li jolqotna mill-qrib, it-temi li jmissuna mill-qrib u s-suġġetti li ngħixu ta’ kuljum. Allura hija Kanzunetta li tagħtina identità. Nieħu gost nara l-mod kif qed tevolvi l-kanzunetta Maltija, l-investiment li qed isir anke mill-producers u recording studios biex ikomplu jagħtuha ħoss b’saħħtu u modern u anke l-għexieren ta’ żgħażagħ li qegħdin jitħajru jippubblikaw materjal sperimentali u alternattiv li allura jkomplu jxejnu l-argument li l-ilsien Malti ma joqgħodx għall-widna u tant paroli fil-vojt li smajna fil-passat!
- X’kien il-vjaġġ ta’ Spiteri Lucas Entertainment mill-2003?
Vjaġġ impressjonanti. Minn ħolma fuq l-imħadda u taħdita fuq il-mejda spiċċat f’kunċert għal mitt ruħ u eventwalment f’serati indimentikabbli li jsegwuhom mijiet ta’ nies u oħrajn li jibqgħu diżappuntati għax ma laħqux biljett! Ukoll programmi televiżivi mimlijin divertiment ‘live’ li reġgħu taw il-ħajja lill-ġeneru tal-varjetà a-la-Taljana fuq it-televiżjoni lokali. Tmintax-il sena ta’ ħolm, ħin, nuqqas ta’ rqad, frustrazzjoni, ideat, kreattività, argumenti, qbil u n-nuqqas tiegħu, investiment finanzjarju u enerġetiku, imma fuq kollox sodisfazzjon aħħari.
- Imwieled San Ġiljan iżda demm Belti? Xi tfisser li tkun Belti?
Imwieled San Ġiljan għax wellduni fi sptar hemmhekk.. Li tkun Belti tfisser li int iben il-kapitali ta’ pajjiżna… Iben il-Belt kulturali Ewropea tal-2018.. Wild belt li hija parti mill-patrimonju tal-UNESCO. Li tkun Belti tfisser li tiftaħ għajnejk filgħodu u tara l-veduta ta’ wieħed mill-isbaħ portijiet Ewropej… li tista’ tterraq qalb binjiet bi storja u b’arkitettura maestuża fejn il-kulutura titħallat mad-devozzjoni, f’toroq li raw assedji, irvellijiet, protesti.. raw lil Malta tinbidel.. Fuq kollox, li tkun Belti tfisser ukoll li int wild benniena kulturali għanja ta’ mużiċisti, artisti, politiċi, sportivi, atturi u l-bqija.
- Il-politika u l-mużika. Ma taħsibx li titlef mill-ammirazzjoni meta Malta inċidentalment maqsuma f’żewġ partiti u l-pjattaformi soċjali aktar qed jiżirgħu mibegħda?
Dejjem emmint li l-politika hija strument effettiv li kapaċi joħloq il-mirakli jekk tintuża tajba. Dan il-ħsieb kien li mexxieni biex nikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fl-2019 fejn sussegwentement ġejt elett bħala kunsillier u għadni nservi sal-lum. Mark il-mużiċist, il-kompożitur, il-kant’awtur u Mark il-kunsillier huma differenti. Nilbes kappell differenti skont ċirkustanzi differenti. Nipprovaw ma nħallatx ħaġa ma’ oħra u dan in-nies japprezzawh. Il-politika partiġjana qatt ma daħħaltha fil-qasam artistiku. Nirrispetta lil kulħadd u għandi ħbieb kbar tiegħi minn kull spettru politiku f’pajjiżna. Nemmen li din għandha tkun it-triq ’il quddiem biex din il-gżira ċkejkna li aħna tant inħobbu, timxi ’l quddiem. Ma nifilħux nitilfu mħuħ minħabba l-mibegħda li jġib miegħu l-partiġjaniżmu sfrenat u estrem.
- Kif jirnexxilek tlaħħaq? Għalliem, kunsillier, mużiċista, kompożitur, attur f’diversi produzzjonijiet teatrali u drammi televiżivi, u organizzatur ta’ serati ta’ varjeta’?
U missier bil-familja… Kollox jiddependi mill-mod ta’ kif tqassam il-ħin mingħajr ma taħli ħin prezzjuż. Għandi wkoll is-sapport tal-mara tiegħi Sharon u tat-tifla Greta u anke tal-familja kollha tiegħi. Ta’ dan nirringrazzjahom għax huma wkoll parti mill-vjaġġ tiegħi.
//= $special ?>