Ekonomija Lokali

Aktar konfużjoni dwar il-pjan tal-irkupru

Tikber il-konfuzjoni dwar il-pjan li kellu jirrapreżenta pajjiżna lill-UE għall-irkupru ekonomiku, bil-Ministru tal-Finanzi Clyde Carauana jikkontradixxi dak li qal il-Ministu tal-Ekonomija Silvio Schembri u jikkonferma li l-Gvern għadu ma preżentax dan il-pjan.

“F’dak li għandu x’jaqsam deadline, huwa deadlines li l-kummissjoni qed tissuġerixxi, b’daqshekk ma jfissirx li x-xogħol ma sarx, li nista’ ngħidlek li kull ma preżentawh xi ħamsa, sitta b’kollox”

Il-Ġimgħa, iżda Silvio Schembri, qalilna totalment l-oppost, u tenna li r-rapport kien preżentat.

Filwaqt li qalilna għal darba darbtejn li d-deadline ma kienx deadline, meta saqsejnih min kien responsabbli li jħejji dan ir-rapport, il-Ministru Clyde Caruana ma’ ħasibiex darbtejn biex jitfa’ lil Stefan Zrinzo Azzopardi f’bir tas-skieken.

“Ir-responsabbiltà taqa’ taħt l-uffiċċju mmexxi minn Stefan Zrinzo Azzopardi”

Huma ħafna dawk li qed jistennew li minn fondi Ewropej, partikolarment fil-mument daqstant delikat li qed ngħixu fih, tingħata aktar għajnuna minn naħa tal-Gvern. Dan biex wara kollox il-poplu jibda jirkupra mill-impatt tal-Covid.

Madanakollu jidher li l-Gvern ftit li xejn qed ifittex li jistinka biex bħala nazzjon nieħdu kemm jista’ jkun fondi Ewropew. U baqa’ jkaxkar saqajh, meta suppost għandu pjan li ilu lest.

Net News jista’ jikkonferma wkoll li lanqas il-Korpi Kostitwiti kienu għadhom ma ġewx ikkonsultati fuq dan il-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku. B’kuntrast, pajjiżi bħall-Italja diġà approvaw dan il-pjan u għaddewh mill-Parlament.