Internazzjonali

Arrestati 4 persuni b’rabta ma’ website ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal

Il-pulizija Ġermaniża arrestat tliet irġiel li qed ikunu akkużati li mexxew wieħed mill-akbar networks online fid-dinja ta’ ritratti li juru abbuż sesswali fuq it-tfal. Dan filwaqt li raġel ieħor qed jinżamm arrestat fil-Paragwaj b’rabta mal-istess każ.

Dan wasal wara operazzjoni internazzjonali, li nvolviet diversi korpi tal-pulizija, immirata biex tkisser website fuq l’hekk imsejjħa darb web bl-isem ta’ Boystown. Persuni viċin l-investigazzjoni saħqu li Boystown kellha aktar minn 400,000 abbonat. Huma qalu li instabu numru kbir ta’ ritratti li fihom deher abbuż sesswali serju fuq tfal żgħar.

Il-Europol stqarru li l-investigazzjoni qed tkompli, b’analiżi sħiħa tal-kontenut kollu fuq din il-website, fejn mistennija aktar arresti madwar id-dinja kollha. Il-Europol saħqu li apparti Boystown, sabu aktar siti li fihom kienu jiċċetjaw numru ta’ pedofli.