Lokali Qorti

€6,000 multa u sentenza sospiża għal Franċiż li ħebb għall-Pulizija waqt party illegali f’Permbroke

Ritratt: My Guide Malta

Franċiż ta’ 18-il sena ġie mmultat €6,000 u kundannat sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li sbieħ il-Ħadd li għadda, u dan għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu flimkien ma’ għexieren ta’ żgħażagħ oħra waqt party kkaġuna feriti ħfief fuq kuntistabbli tal-Pulizija.

Mathis Ravel kien fost ħafna persuni li  ġew imħarrkin mill-Pulizija u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) talli dan inġabru fi gruppi f’Pembroke. Dan wara li skont il-liġi bħalissa jistgħu jinġabru gruppi ta’ massimu ta’ erba’ persuni fil-pubbliku u anke ġod-djar.

Il-Franċiż ammetta li għamel offiżi fuq persuna nkarigat mill-liġi, li għamel reżistenza bi vjolenza, li nġurja lill-istess uffiċjal tal-Pulizija, li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni,li kiser il-paċi pubblika, li naqas mill-jobdi l-ordnijiet leġittmi tal-Pulizija, u li kiser l-ordni mogħtija mis-Supretendent tas-Saħħa pubblika li tirregola li fi spaċji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni għandhom ikunu projbiti, nkluż fi kjus u fuq ‘bus stops’.

Il-Pulizija tal-Għassa ta’ San Ġiljan kienet waslitilha informazzjoni li fis-sit Natura 2000, f’Pembroke, hemm diversi persuni jixorbu f’post imwarrab, fuq il-blat. Il-pulizija marru fuq il-post fejn ġie nnutat grupp kbir ta’ żgħażagħ, li malli raw lill-pulizija ppruvaw jaħarbu. Il-pulizija ħarġu diversi ċitazzjonijiet minħabba ksur tal-Avviżi Legali tal-COVID-19.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia tagħat ċans lill-ħati biex iħallas il-multa fi żmien sitt xhur u tagħat l-imsemmija sentenza wara li qieset l-ammissjoni bikrija tal-akkużat u l-fatt li għandu kondotta nadifa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar filwaqt li l-Avukat Benjamin Cassar deher għal Ravel.