Sport Sport Ieħor

“Fis-settur tal-isports kollox jidher li qed isir mingħajr pjan u struttura”- Stevie Camilleri

(Ritratt: Domenic Aquilina)

F’intervent telefoniku waqt il-programm Replay, il-captian tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo u ta’ Roma Nuoto Stevie Camilleri spjega kif f’pajjiżna fis-settur tal-isports f’pajjiżna, kollox jidher li qed isir mingħajr pjan u struttura. Camilleri qal li f’dawn ix-xhur deher biċ-ċar li l-isport mhuwiex prijorità f’pajjiżna u anke li minkejja ċ-ċans naqas milli jsir pjan ċar dwar kif l-isport professjonali seta’ jibqa’ għaddej waqt il-pandmeija.

Stevie Camilleri qal li trid issir distinzzjoni bejn sports prattikat b’mod professjonali u sport prattikat bħala passatemp. Camilleri saħaq li l-isport huwa industrija fejn fiha jaħdmu għexieren ta’ persuni li jiddependu minn dan is-settur għall-għixien tagħhom.

Il-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo spjega kif atleta għandu żmien limitat sakemm jibqa’ fiżikament f’saħħtu li jilgħab u jitħarreġ f’livell għoli u b’hekk dan iż-żmien kollu li l-atleti ilhom weqfin huwa żmien mitluf. Camilleri li bħalissa jinsab fl-Italja fejn qed ikompli l-karriera tiegħu bħala player tal-waterpolo fis-Serie A 2 ma’ Roma Nuoto qal li fl-Italja għall-kuntrarju ta’ Malta, dawk kollha li huma rreġistrati ma’ federazzjoni setgħu jibqgħu jitħarrrġu filwaqt li jsegwu protokolli stretti.

Stevie Camilleri spjega kif atleti Maltin u anke timijiet li se jkunu qed jikkompetu f’kompetizzjonijiet internazzjonali se jsibuha aktar diffiċli biex jikkompetu hekk kif din il-waqfa telfet jiem ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet. Camilleri temm jgħid li din il-waqfa se taffettwa wkoll li-iżvilupp ta’ atleti żgħar fejn minn barra li dan se jaffettwa r-riżultati fil-futur, it-tfal tħallew id-dar mingħajr ma jagħmlu eżerċizzju fiżiku.