Lokali

Gvern alternattiv b’viżjoni li fiċ-ċentru tagħha hemm il-ġid komuni

Il-Partit Nazzjonalista nieda tliet temi orizzontali li se jiddefinixxu l-ħidma politika u d-definizzjoni tal-programm ta’ ħidma tiegħu li se jkun qiegħed iressaq quddiem l-elettorat Malti bil-għan ċar ta’ qafas ta’ gvern alternattiv b’viżjoni, iffukat u bil-ġid komuni fiċ-ċentru tal-iżvilupp politiku tiegħu. Dawn it-tliet temi jinkludu:

 • Viżjoni Soċjo-Ekonomika Malta 2030

 • Valuri umani f’soċjetà moderna

 • Governanza tajba

Viżjoni Soċjo-Ekonomika Malta 2030

Din hija l-qalb tal-politika tal-PN: il-mużajk tal-aspirazzjonijiet ta’ fejn irid iwassal lil dan il-pajjiż fl-għaxar snin li ġejjin. Il-PN jrid li jkollna soċjeta li tkun forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li jimpurtaha. Viżjoni li ser tibni fuq it-tajjeb li għandna u tfassal ekonomija mibnija fuq il-valur miżjud, l-innovazzjoni, id-dinjità umana, il-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni tal-ambjent fejn l-iżvilupp jew ikun sostenibbli jew inkella ma jsirx.

Valuri Umani f’Soċjetà Moderna

Il-valuri huma r-ruħ tal-politika tal-PN: Il-PN se jkompli jħaddan politika li tixpruna r-rispett fil-ħidma tiegħu. Ser jibni fuq il-valuri tal-ġustizzja soċjali, solidarjetà, l-ekwità, id-diversità u l-valur imprezzabbli tal-ħajja. Ser ikun mexxej tas-soċjetà tagħna billi jżewweġ l-aspirazzjonijiet tiegħu għal pajjiż modern f’soċjetà li verament jimpurtaha u fejn ħadd mhu għar-rimi

Governanza Tajba

Il-governanza tajba hija l-pilastru li fuqu l-PN jrid jibni t-twettiq tal-viżjoni tiegħu u li permezz ta’ dan, jrid li jpoġġi l-valuri tiegħu fil-prattika. Is-sussidjarjetà u d-deċentralizzazzjoni tal-poter ser ikunu l-għodod ewlenin li permezz tagħhom ser jagħġen s-serjetà u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt f’kulma jagħmel l-Istat, f’kull livell ta’ governanza. Il-PN qal li pajjiżna ma jixraqlux ir-reputazzjoni ħażina li għandu llum. Fil-ħidma politika tiegħu l-PN se jara li l-governanza tajba ma tkunx biss dik li tinqered il-korruzzjoni u l-impunità li daħħal Gvern Laburista, iżda trid tkun xprunata governanza tajba permezz ta’ mezzi moderni u għodda li tagħti aktar jedd, drittijiet, poteri u parteċipazzjoni attiva liċ-ċittadin, lis-soċjetà ċivili u lill-gvernijiet lokali

Erbatx-il cluster ta’ politika

Dawn it-tliet temi orizzontali ser jaħdmu flimkien ma’ 14–il Cluster ta’ Politika li ser ikunu qed jikkontribwixxu biex titfassal il-viżjoni soċjo-ekonomika tal-pajjiż, mibnija fuq il-valuri u l-governanza tajba f’qafas ta’ djalogu soċjali ma’ kull min għandu għal qalbu l-avvanz ta’ pajjiżna:

  • Benesseri Soċjali – Pajjiżna jrid jinvesti ħafna u ħafna aktar fil-mobbiltà soċjali sabiex nibdew mexjin it-triq li permezz tagħha neliminaw il-faqar f’pajjiżna. • Il-PN kommess li jagħmel dan billi jmur l’hinn mill-benefiċċji soċjali u jħares lejn il-persuna mill-aspetti kollha tagħha sabiex verament jissaħħu l-benesseri soċjali u kulħadd jgħix b’dinjità u bi dħul adekwat.
  • Kwalità tal-Ħajja u Saħħa – Irridu npoġġu l-kwalità tal-ħajja u l-mod ta’ kif ngħixuha fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Mill-ispazji pubbliċi għall-mod kif nibbilanċjaw ix-xogħol, il-familja u l-attivitajiet li jżommuna sani u b’saħħitna. • Għalhekk il-PN se jeleva s-servizzi tas-saħħa pubblika u dawk privati fl-ogħla livelli li jeżistu fuq skala globali, billi jinvesti fil-prevenzjoni, il-kura primarja u sensiela ta’ ċentri speċjalizzati.
  • Ekonomija ta’ Għada – Il-PN se juża l-ħidma tiegħu biex noħorġu mill-kriżi tal-Covid-19 biex jittrasforma l-ekonomija tagħna f’waħda aktar innovattivi, mibnija fuq il-valur miżjud, b’sensiela ta’ setturi u ekosistemi ġodda li jistgħu jsarrfu f’mudell ekonomiku li jrendi aktar u joħloq aktar ġid u xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Quddiem dan kollu l-PN se jibni l-ekonomija ta’ għada f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli, f’pajjiż isbaħ u b’aktar spazji miftuħa, b’industrija tat-turiżmu li tiffoka fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-volumi.
  • Ambjent – Il-PN se jixpruna bidla radikali fil-politika ambjentali ta’ pajjiżna billi jifforma alleanza b’saħħitha ta’ dawk kollha li verament għandhom għal qalbhom l-ambjent ta’ pajjiżna, il-konservazzjoni tiegħu u dak kollu li jagħmilna pajjiż sostenibbli. Il-PN mhux se jibqa’ jħares lejn l-ambjent bħala suġġett iżolat iżda jibni qafas fejn il-prijorità tal-protezzjoni tal-ambjent tkun parti integrali ta’ kwalunkwe settur tal-politika biex pajjiżna ma jerġa’ qatt jirrepeti l-iżbalji tal-passat
  • Infrastruttura u Riżorsi – Il-PN se jaħdem sabiex il-poplu jgawdi dejjem aktar minn enerġija nadifa bi prezzijiet ġusti, fejn nerġgħu nsiru sovrani tal-kontroll tal-provvista tal-elettriku ta’ pajjiżna. Il-PN se jfassal u jilleġiżla master plan infrastrutturali tal-iżvilupp li ma jippermetti l-ebda kompromess mas-sostenibbiltà u jkun ikopri l-iżvilupp tan-networks ewlenin li pajjiżna għandu bżonn biex ikun kompetittiv, modern u avvanzat.
  • Sigurtà – Il-PN jrid isaħħaħ l-politika ta’ sigurtà f’pajjiżna billi nibnu qafas ġdid ta’ politika integrata ta’ sigurtà nazzjonali li tgħaqqad fiha l-forzi tal-ordni kollha u taħdem b’kompetenza, integrità u kredibbiltà sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħna, lil min iżurna u lill-assi strateġiċi ta’ pajjiżna. Il-PN se jaħdem fuq progamm ta’ innovazzjoni u modernizzazzjoni li jagħmel użu estensiv mill-għodda tat-teknoloġija biex issaħħaħ il-ħidma tal-forzi tal-ordni kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-persuni, is-cyber crime u l-ħasil tal-flus.
  • Ġustizzja u Tisħiħ tad-Demokrazija – Il-PN jrid li jwettaq riforma fil-qasam tal-ġustizzja li verament tikkontribwixxi biex is-saltna tad-dritt u l-amministrazzjoni sħiħa tal-ġustizzja jkunu l-pilastri li fuqhom nistgħu nerġgħu nibdew nibnu r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħna, fejn l-indħil politiku fil-ħatriet u l-amministrazzjoni jispiċċaw darba għal dejjem. B’viżjoni u bl-użu ta’ mezzi moderni diġitali l-PN se jara li l-operat tal-Qrati ta’ pajjiżna jiġi modernizzat u ffukat biex jaqdi lill-poplu b’mod effettiv u effiċjenti u li jiggarantixxi serħan tal-moħħ mil-lat amministrattiv f’termini ta’ integrità tal-proċessi u speditezza tal-każijiet.
  • Nippreservaw is-Sbuħija u l-Identità ta’ Għawdex u Nkattru l-Opportunitajiet għall-Għawdxin – Irridu nemmnu fil-potenzjal enormi ta’ Għawdex li jsir ċentru ta’ sostenibbiltà, sofistikazzjoni industrijali u sbuħija naturali fir-reġjun kollu. Għawdex jistħoqqlu u ser jingħatalu identità soċjo-ekonomika distinta li tibni fuq il-karatteristiċi partikolari tiegħu u mhux biss dawk ta’ Malta. Is-sussidjarjetà għal Għawdex, il-PN se jagħtiha tifsira ġdida: sussidjarjetà li tfisser qafas b’saħħtu u sħiħ ta’ servizzi pubbliċi, infrastruttura u tmexxija, f’kuntest ta’ ħidma bla preċedent biex jitkattar investiment adattat għall-gżira Għawdxija.
  • Tassazzjoni u Dħul Fiskali – Irridu nibnu sistema ta’ tassazzjoni li tkun ġusta u ma’ tiddiskriminax kontra negozji Maltin, filwaqt li tkun mibnija fuq prinċipji li jinċentivaw lill-intrapriżi jinvestu dejjem aktar fil-ħaddiema u l-operat tagħhom. Il-mudell ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna jrid ikompli jiġi modernizzat sabiex il-Gvern ikun jista’ jiġġenera aktar dħul filwaqt li jżomm il-piż tat-taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin baxx kemm jista’ jkun. Dan ukoll billi niffukaw aktar fuq investiment kapitali u nnaqqsu l-infiq diskrezzjonarju ta’ spejjeż li jistgħu jiġu evitati. Il-PN se jara li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea ssarraf f’aktar fondi u investiment għal pajjiżna li jmorru direttament fl-industrija tagħna biex inkomplu ntejbu l-ħiliet tagħna u nittrasformaw il-mudell tagħna f’wieħed li jżid aktar valur u aktar dħul għall-Gvern. Dan filwaqt li nibqgħu nissalvagwardjaw is-sovranità fiskali ta’ pajjiżna u nżommu l-kompetittività tagħna bħala karatteristika distintiva ta’ pajjiżna.
  • Servizz Pubbliku – Irridu nerġgħu nagħtu lura d-dinjità lis-servizz pubbliku billi nagħmluh il-mutur tat-tfassil tal-amministrazzjoni pubblika fuq bażi permanenti li tkun indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata, kemm fuq bażi ċentrali kif ukoll fuq dik lokali. Il-PN se jkompli japplikaw l-użu tat-teknoloġija fil-mod ta’ kif inwasslu s-servizzi pubbliċi bil-għan li nippermettu li ħafna aktar ħaddiema tal-Gvern ikunu jistgħu jersqu dejjem aktar viċin tal-front-line tas-servizz u b’hekk naqdu n-nies aħjar u b’mod effiċjenti.
  • Teknoloġija Avvanzata u Innovazzjoni – Irridu nerġgħu nelevaw lil pajjiżna fuq l-ogħla livelli tal-applikazzjoni tat-teknoloġija avvanzata u l-innovazzjoni billi ndaħħluhom f’kull aspett tal-amministrazzjoni pubblika u billi ninċentivaw lis-settur privat biex ikun il-mutur ewlieni fit-twettiq ta’ din il-viżjoni. IL-PN irid jwelled, isostni u jkabbar pjattaforma nazzjonali ta’ riċerka li ġġib flimkien l-akkademja, ir-riċerkaturi, l-industrija u l-Gvern biex pajjiżna jibni sensiela ta’ kompetenzi vertikali f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u l-internet of things, u niżviluppawhom f’setturi ekonomiċi b’saħħithom li jrendu għal pajjiżna.
  • Soċjetà Mibnija Fuq l-Għerf – Nagħmlu mill-għerf ir-riżorsa naturali tagħna billi nibnu fuq il-ħiliet akkademiċi u edukattivi ta’ pajjiżna u nsaħħuhom billi nfasslu mudelli ta’ taħriġ u edukazzjoni li jkattru t-talent lokali u jiġbdu talent eċċezzjonali minn barra xtutna. Dan kollu fi sfond ta’ sforz nazzjonali ta’ investiment dejjem akbar f’mezzi diġitali li jgħinu lill-edukaturi tagħna jkunu dejjem aktar effettivi fil-ħidma tagħhom għat-tagħlim fl-istituzzjonijiet edukattivi. Il-PN se jagħmel mill-edukazzjoni settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim u t-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.
  • Identità Nazzjonali f’Dinja Globali – Ser nagħmlu sforz lokali, Ewropew u globali biex nibdew insewwu l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna billi nwasslu u kif pajjiżna jgħożż is-saltna tad-dritt f’ġurisdizzjoni moderna, innovattiva u sikura. Dan kollu bil-għan li nibnu rwol ġdid għal pajjiżna fir-reġjun fl-isfond tal-isfidi ġeo-politiċi li qed ngħixu fihom. B’sens b’saħħtu ta’ identità nazzjonali, il-PN se jwassal lid-dinja l-vera karatteristiċi Maltin u dak kollu li jagħmilna l-ġens li aħna billi nagħtu importanza bla preċedent lill-wirt kulturali tagħna u kif dan nistgħu nesponuh u nwassluh fuq skala internazzjonali.
  • Popolazzjoni, Integrazzjoni u Immigrazzjoni – Pajjiżna għandu l-limitazzjonijiet tiegħu f’kemm jiflaħ jerfa’ piż ta’ popolazzjoni u għalhekk ser naħdmu biex inkunu nistgħu nifformulaw politika li tkun tista’ tara li l-infrastruttura, is-sistemi u l-komunitajiet tagħna (lokali u nazzjonali) ikunu preparati biżżejjed biex jilqgħu għall-bidliet fil-popolazzjoni fuq bażi staġjonali kif ukoll f’dik residenzjali aktar fit-tul. F’dan l-isfond il-PN irid jibni politika ta’ immigrazzjoni li teradika l-popoliżmu u r-razziżmu u tkun mibnija fuq metodi li filwaqt li qatt ma jippreġudikaw il-ħajja, ikunu jirrispettaw il-limitazzjonijiet tal-kapjenza ta’ pajjiżna sabiex min jiġi f’pajjiżna u jagħżel li jibqa’ jgħix hawn ikun jista’ jgħix ħajja xierqa u dinjituża.