Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Ħames skejjel tal-Ingliż jagħlqu l-bibien tagħhom

Net News jista’ jikkonferma li ħames skejjel tal-Ingliż għalqu l-bibien tagħhom wara d-daqqa li ħadu kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

L-iskejjel tal-Ingliż għadhom sal-lum għaddejjin bit-tagħlim online minħabba r-restrizzjonijiet li kienu daħlu fis-seħħ f’Marzu li għadda.

Wara diversi twissijiet li dawn l-iskejjel se jkunu affettwati bil-kbir, il-Federazzjoni li tirrapreżenta l-iskejjel tal-Ingliż f’pajjiżna kkonfermat li ħames skejjel kienu sfurzati jgħalqu.

Kelliema għall-FELTOM qaltilna li dan l-għeluq jirrifletti l-gravita tas-sitwazzjoni u l-problemi kbar li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Dawn l-iskejjel kienu ilhom għal diversi ġimgħat jiddiskutu mal-Awtoritajiet dwar pjan għal dan is-settur.  Iżda minkejja laqgħat ma’ uffiċjali tal-Gvern, jidher car illi dawn għadhom fil-għama dwar it-triq ‘il quddiem.

Fl-assenza ta’ direzzjoni mill-Gvern dwar kif dawn se joperaw, il-FELTOM qed tisħaq li s-settur se jiftaħ mill-ewwel ta’ Ġunju meta pajjiżna mistenni jerġa’ jibda jilqa’ lit-turisti. Dan hekk kif sa issa għad m’għandhom ebda konferma ta’ meta jistgħu jerġgħu jilqgħu studenti b’mod fiżiku.

FELTOM qalet li l-iskejjel tal-Ingliż diġà rċevew iktar minn 10,000 booking għall-bqija tas-sena, bil-possibilta li dawn il-bookings jitħassru jekk is-settur ma jiftahx mill-iktar fiss possibbli.