Futbol Sport

Il-European Super League ħoloq rivoluzzjoni fil-futbol internazzjonali?

(Ritratt: EPA)

Wara li ftit aktar minn ġimgħatejn ilu 12-il club minn tliet kampjonati ewlenin fl-Ewropa ingħaqdu biex iwaqqfu l-European Super League u li dan deher li sfaxxa wara anqas minn 48 siegħa li kien iffurmat, ir-riperkussjonijiet tad-deċiżjoni tas-sidien ta’ dawn il-clubs jidher li baqgħet taffetwa l-futbol anke wara.

Ilbieraħ quddiem Old Trafford ftit siegħat qabel ma kellu jibda l-konfront bejn Manchester United u Liverpool mill-Premier League, eluf ta’ partitarji ta’ Manchester United inġabru sabiex jipprotestaw u jsejjħu għar-riżenja tal-familja Glazer li huma s-sidien tal-club. Bis-sitwazzjoni teskala aktar milli previst, fejn uħud mill-partitarji rnexxielhom jidħlu fil-ground, il-partita kellha tiġi posposta bl-FA Ingliża għad trid tieħu deċiżjoni dwar meta din il-logħba se tkun qed tintlagħab.

Il-ġimgħa li għaddiet partitarji ta’ Arsenal ukoll inġabru barra l-istadium isejjħu għar-riżenja tas-sidien tal-club, fejn jidher li hemm protesta oħra pjanata għal nhar il-Ħamis qabel is-semifinali mill-UEFA Europa League li Arsenal se jilgħabu kontra Villarreal.

Intant jidher li l-clubs tal-Premier League se jkunu obbligati li jiffirmaw ‘Owners Charter’ fejn se jkunu qed jittieħdu sanzzjonijiet b’saħħithom fil-konfront ta’ dawk il-clubs li jiksru r-regoli, wara dak li seħħ kawża tal-European Super League.