Lokali Parlament

Il-gvern tilef il-kuxjenza soċjali; ma jistax iwettaq politika favur l-intrapriżi soċjali

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-gvern tilef il-kuxjenza soċjali u għalhekk ma jistax iwettaq politika favur l-intrapriżi soċjali.

Fil-parlament llejla Edwin Vassallo tkellem fuq l-importanza li n-negozji jsir bis-sewwa u mhux fuq il-qerq u l-ħażin. Hu sostna li l-korruzzjoni li qed issir fil-pajjiż qed tkun kważi aċċettat b’konsegwenzi negattivi ħafna fuq is-soċjetà. Id-deputat Nazzjonalista enfażizza l-importanza li mhux kollox għandu jibqa’ għaddej f’dan il-pajjiż.

Jeħtieġ li r-regoli f’dan is-settur tal-għaqdiet volontarji u intrapriżi soċjali jkun hemm attivitajiet kummerċjali u tingħata attenzjoni ikbar fuq l-ambjent li jgħix fih il-bniedem. Hu qal li l-ewwel li jrid ikun hemm hu li l-gvern ikollu kuxjenza soċjali u fakkar fl-ittra li numru ta’ Soċjalisti kienu kitbu lill-gvern fejn wissewh li qed jitlef il-prinċipji Soċjalisti tiegħu. Jeħtieġ li l-kuxjenza soċjali tingħata prijorità, sostna Edwin Vassallo.

Bħala eżempju hu semma’ l-mod kif il-banek ewlenin, HSBC u BOV, qed jitrattaw n-nies “bħall-annimali” billi qed jagħlqu diversi friegħi fil-lokalitajiet biex il-pubbliku jkollu jmur bi kjuwijiet f’banek partikolari. Edwin Vassallo qal li l-anzjani qed idumu siegħat jistennew fil-kjuwijiet biex jinqdew fuq flushom stess u kkritika t-tariffi ġodda li l-banek qed idaħħlu.

Il-gvern għndu jniedi wkoll benefiċċji fiskali biex jikrbu l-istart ups ta’ intrapriżi soċjali u joħolq incubation centre li jgħin lis-settur tal-intrapriżi soċjali. Jeħtieġ li l-pajjiż kollu jkun ppreparat għal wara l-COVID għaliex dan se jkun perjodu sensittiv ħafna għall-ekonomija. Illum il-poplu hu vulnerabbli u għajjien politikament minħabba l-korruzzjoni bil-konsegwenza li mhux jaħseb f’għada, sostna Edwin Vassallo, li kompla li l-poplu m’għadux isegwi u jistħi jgħid li l-pajjiż hu stat tal-Mafja.

Edwin Vassallo tkellem ukoll fuq il-valur tal-kooperattivi fil-kuntest tas-solidarjetà fejn il-bniedem għandu futur b’tama ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar mibnija fuq is-sewwa u mhux fuq il-korruzzjoni.