Lokali Qorti

Il-Pulizija ssolvi serqa ta’ mijiet ta’ settijiet tal-arja kundizzjonata

Wara ħidma kbira l-Pulizija rnexxielha ssolvi każ ta’ serq organiżżat ta’ mijiet ta’ settijiet ta’ ‘air conditioners’. Il-valur misruq jammonta għal madwar €300,000 Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żebbuġ wasslu biex ġiet solvuta serqa kbira ta’ settijiet tal-arja kundizzjonata ġodda minn maħżen ta’ kumpanija privata li tinsab fiż-Żona Industrijali f’Tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li s-settijiet allegatament insterqu fuq medda ta’ disa’ xhur u b’rabta mal-każ, tmien
persuni qegħdin jgħinu lill-Pulizija. Fis-16 ta’ Diċembru, 2020, il-Pulizija tad-Distrett kienu nfurmati mill-kumpanija li sabu xi settijiet tal-arja kundizzjonata neqsin.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru fil-ġimgħat ta’ wara, instab li b’kollox insterqu mad-900 sett, li l-valur tagħhom jammonta għal madwar €300,000. L-investigazzjonijiet wasslu biex fl-aħħar jiem ġew identifikati tmien rġiel, li għandhom bejn 35 sena u 59 sena, suspettati li huma involuti f’dan il-każ. Minn tfittxijiet li saru f’diversi residenzi, garaxxijiet u mħażen oħra, ġew irkuprati mat-800 sett misruq u rritornati lill-kumpanija. -investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin bl-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.