Lokali

Imfakkar il-Jum Dinji dwar il-Libertà tal-Istampa

Fil-Jum Dinji dwar il-Liberta’ tal-Istampa, l-Oppożizzjoni terġa’ tirrikonoxxi il-kontribuzzjoni siewja tal-istampa u tal-ġurnaliżmu investigattiv u li wasal sabiex jinkixfu diversi stejjer ta’ importanza nazzjonali. L-istampa tkompli żżomm lil kull min jokkupa kariga pubblika kontabbli għall-aġir tiegħu hekk kif taqdi d-dmir tagħha bħala r-raba’ pilastru
tad-demokrazija.

Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Therese Comodini Cachia.

L-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li fil-qadi ta’ dmirijietha l-istampa f’Malta għadha taffaċċja diversi ostakoli li jippruvaw ifixxklu l-ippubblikar tal-informazzjoni. L-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li l-ġurnalisti huma mhedda minn kultura li ma tattribwixxiex valur lir-rwol importanti tagħhom fid-demokrazija Maltija.

Fost il-kwistjonijiet li l-Oppożizzjoni temmen li għandhom jiġu indirizzati mill-Parlament hemm in-numru konsiderevoli ta’ talbiet għall-informazzjoni li jiġu miċħuda mill-Gvern, it-theddida tal-iSLAPP, it-theddida ekonomika u n-nuqqas ta’ aċċess għal proċeduri li jistgħu jassiguraw is-sigurta’ tal-ġurnalisti.

Mis-sena 2013, Malta niżlet mill-45 sal-81 pożizzjoni fil-World Press Freedom Index annwali ppubblikat minn Reporters Without Borders. L-Oppożizzjoni trid tara li l-ġurnaliżmu f’Malta jerġa’ jieħu l-pożizzjoni li jixraqlu fuq dan l-indiċi. Għalhekk, l-Oppożizzjoni qed tistieden lil Gvern sabiex jaħdem magħha biex jiġi almenu assigurat li jkun hemm:

  1. Aċċess għall-informazzjoni aħjar u aktar effettiv.
  2. Protezzjoni legali għall-ġurnalisti minn theddid, fastidju u kwalunkwe’ forma ta’
    aggressjoni.
  3. Miżuri ta’ fact checking sabiex jagħtu opportunita’ għal verifikazzjoni
    tal-informazzjoni.
  4. Sistema li tassigura li l-media houses jistgħu jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi li qegħdin
    jiffaċċjaw u li primarjament ġejjin mill-istil ta’ ħajja diġitali li ngħixu llum,
    mill-pandemija u minn nuqqas ta’ trasparenza dwar l-infiq tal-Gvern ta’ fondi li
    jintużaw għal reklamar u li jingħataw lill-midja.

Intant, fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella għal sforz kollettiv biex il-ġurnalisti jintwerew aktar rispett fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa joffri opportunità biex il-ġurnalisti jkunu nkoraġġiti u appoġġjati biex jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni ta’ kwalità u ta’ min joqgħod fuqha.

Dan mhux biss hu mportanti minħabba l-informazzjoni żbaljata li qed tixtered fuq il-media soċjali, imma wkoll għax ix-xogħol tal- ġurnalist sar aktar diffiċli fi zmien il-pandemija tal-Covid-19.

L-IĠM mhux se jaċċetta li l-pandemija tkun użata biex jitpoġġew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-Istampa jew b’xi mod jitwaqqaf id-dibattitu fl-istampa. B’mod partikolari, l-Istitut jinnota l-fastidju kontinwu li l-ġurnalisti nisa jkollhom jiffaċċjaw fuq il-media soċjali. Dan mhux biss ibaxxihom imma jżomm lura tfajliet milli jidħlu għal din il-professjoni.

Bħala r-raba’ pilastru f’demokrazija, kull pajjiż jiddependi fuq ġurnaliżmu indipendenti, bażat fuq fatti u ta’ min joqgħod fuqu. Il-ġurnalisti huma konxji li x-xogħol tagħhom għandu ċertu periklu, iżda mhux se jċedu quddiem dawn l-isfidi filwaqt li jistennew li l-awtoritajiet jirrispettaw ix-xogħol tagħhom. F’laqgħa li rappreżentanti tal-IĠM kellhom mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton ftit jiem ilu, dawn il-problemi kienu diskussi fit-tul.

F’din il-laqgħa, il-membri tal-Kunsill tal-IĠM esprimew il-fehma soda tagħhom li l-liberta’ tal-istmpa, ma għandha tkun imxekkla bl-ebda mod u li l-Istat hu fid-dover li jipproteġi lillġurnalisti mit-tfixkil, theddid u ċensura biex l-informazzjoni tixxerred bla ebda restrizzjonijiet.

Min-naħa tiegħu, il-President min-naħa tiegħu enfasizza l-importanza ta’ dan is-settur bħala wieħed mill-pilastri tad-demokrazija. Hu nsista li l-ġurnalisti għandhom rwol importanti biex tonqos il-firda u jkollna għaqda nazzjonali.
Diversi djar tal-media f’pajjiżna ġarrbu telf kbir fi żmien il-pandemija. Għalkemm l-għajnuna tal-Gvern permezz bl-iskema tal-“wage supplement” u għotja ta’ darba għenu biex jonqos limpatt negattiv, il-ġurnalisti, bħal professjonisti oħra, kellhom jaċċettaw tnaqqis fil-pagi filwaqt li kellhom jaħdmu aktar biex ikomplu jipprovdu informazzjoni korretta lill-qarrejja, telespettaturi u semmiegħa.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jixtieq li jkun hemm diskussjonijiet biex din l-għajnuna tkun estiża lill-djar kollha tal-media fuq bażi annwali, kif isir f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra.

L-IĠM filwaqt li jfaħħar lill-ġurnalisti għax-xogħol importanti tagħhom, iħeġġiġhom biex jibqgħu sodi quddiem id-diffikultajiet u jwiegħed li jkompli jiddefendihom u l-libertà talistampa f’pajjiżna.