Lokali Qorti

Jinżammu arrestati wara li allegatament kissru seba’ kustilji ta’ anzjan f’San Ġiljan

Żewġ żgħażagħ barranin ta’ 23 sena inżammu taħt arrest preventiv mill-Maġistrat Nadine Lia wara li allegatament sawwtu anzjan bla ħniena li spiċċa bi ksur ta’ seba’ kustilji. L-inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tas-7.00am. wara li l-anzjan ta’ 72 sena mar jipprova jwaqqaf lil Ronan Clyde Hamill, residenti Franza, iżda għandu passaport Irlandiż u lil Paula Romero Fernandez, li hija Spanjola minn Madrid, li allegatament kienu qed jagħmlu ħsara fuq vettura pparkjata tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fi Triq il-Kbira, San Ġiljan.  

Iż-żgħażagħ li qalu li jgħixu f’hostel f’San Ġiljan stess wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom, dik li mingħajr il-ħsieb li joqtlu lill-anzjan, kkaġunawlu feriti gravi. L-Ispettur Jonathan  Cassar qal li anzjan spiċċa l-isptar għax mar jieħu ritratt bil-mobile tal-ħsara li kienu qegħdin jagħmlu l-akkużati lill-vettura Peugoet, liema ħsara taqbeż l-€2,500.

Ingħad ukoll li qabel ma ssawwat, l-anzjan ittieħidlu l-mobile bl-iskop li tinħeba l-evidenza. Madankollu skont il-prosekuzzjoni bħala prova l-Pulizija għandha wkoll filmati tas-CCTV. Huma ġew mixlijin ukoll nsulentaw lill-anzjan u li pprovokawh u li ħarġu barra mill-limiti tal-provokazzjoni, li kisru l-paċi pubblika, u li kienu fis-sakra u li mhux kapaċi jieħdu ħsieb lilhom infushom.

Saret talba għal libertà proviżorja li kienet miċħuda fuq diversi binarji fosthom li skont l-Ispettur Cassar mhux biss taw xeba’ lill-anzjan, iżda meta kien mal-art bdew jagħtuh bis-sieq, u li ġurnata qabel seħħ dan l-inċident huma kienu fis-sakra u ma kienux qed jobdu r-regolamenti relatati mal-COVID-19. Fil-fatt meta l-Pulizija talbu lil Hamill għall-informazzjoni dan ma kienx f’pożizzjoni li jgħaddihomlom.

Il-Qorti meta qieset it-talba għall-pleġġ qalet ukoll li ż-żewġ persuni m’għandhomx rabta ma’ Malta, jgħidxu f’hostel, li ma jaħdmux u li għad baqa’ min jixhed f’dan il-każ fosthom l-allegat vittma. Il-Qorti ordnat ukoll li fis-seduta li jmiss jixhed il-vittma, filwaqt li ordnat ukoll li jekk u meta jingħataw il-pleġġ, bl-ebda mod m’għandhom l-akkużati jagħmlu xi kuntatt mal-anzjan, filwaqt li ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tiegħu.