Coronavirus Lokali Sport

L-ebda data dwar meta l-gyms se jkunu jistgħu jiftħu; il-waterpolo fost l-isport li għadu affetwat

Pubblikati linji gwida fuq is-sit tal-Ministru tas-Saħħa - iżda ebda komunikazzjoni uffiċjali

F’sett ta’ linji gwida maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa, ma ngħatat l-ebda data dwar meta l-gyms u sport ta’ kuntatt se jkun jista’ jirritrona. Dan minkejja li mill-10 ta’ Mejju se jkun permess li jirritorna elite sports u sports mingħajr kuntatt, jiġifieri timjiet nazzjonali, clubs u atleti li se jirrapreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijet internazzjonali se jitħallew jirritornaw.

Minn barra li ma ngħatat l-ebda data specifika dwar meta l-gyms se jkunu jistgħu jiftħu, sport ta’ kuntatt bħal Baseball, Cricket, Canoe Polo, Volleyball, Horse Polo, Basketball, Futbol, Handball, Netball, Hockey, Rugby, Waterpolo, Combat Sports , Dance Sport u Squash lanqas mhux se jkun jista’ jirritorna mill-10 ta’ Mejju.

Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, f’pajjiżna huma pjanati li jsiru l-Kwalifikazzjonijiet tal-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo ta’ taħt il-15-il sena bl-ASA għadha għaddeja b’diskussjonijiet biex dawn ikunu jistgħu jsiru.

L-atleti li huma eliġibbli li jirritornaw għat-taħriġ iridu jdaħħlu talba quddiem SportMalta fejn irid jinħarġilhom permess sabiex jitħarrġu. Fit-taħriġ ta’ sport fejn jirrikjedi kuntatt u se jkun jista’ jitħalla jirritorna minn nhar it-Tnejn, l-atleti jridu jinqasmu fi gruppi ta’ sitta waqt it-taħriġ u mhux se jitħallew aktar minn tliet grupp jitħarrġu fl-istess post. Il-linji gwida jgħidu li fl-ebda attività sportiva m’huma se jitħallew jattendu partitarji jew spettaturi.

Fl-aħħar jiem bosta sidien ta’ gyms u atleti oħra wrew id-diżappunt tagħhom għaliex dawn qed ikunu klassifikati fl-istess livell ta’ riskju mal-bars minkejja l-appelli u studji internazzjonali li urew il-ħtieġa li wieħed jipprattika xi forma ta’ eżerċizzju.