Lokali

L-ISKANDLU TA’ SAN VINĊENZ: Robert Abela jibqa’ jiddefendi dan id-deal

Il-Prim Ministru għadu jrid janalizza l-konklużjonijiet iebsin li ħarġu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-binja ta’ San Vinċenz de Paul. Dan qalu hu stess waqt laqgħa tal-Kabinett illi indirizza kmieni dalgħodu, fejn insista li għadha se ssir analiżi tar-rapport.

Mistoqsi minn Net News dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà, Robert Abela baqa’ jaħrab milli jwieġeb.

“Dan hu proġett li ħalla ħafna ġid”

Il-Prim Ministru ma ikkummenta xejn dwar il-konklużjonijiet serjissimi ta dan ir-rapport tal-NAO. B’Robert Abela jgħid li s-servizz huwa “uniku”.

“Ir-rapport irid ikun analizzat b’reqqa u nitgħalmu minnu”, qal il-Prim Ministru. Iżda imkien ma kkommetta ruħu li jwaqqaf dan id-deal illi qed jiswa’ lil pajjiżna id-doppju ta’ kemm inħallsu bħala poplu għas-sodod fil-homes privati.

S’issa, għadu mhux magħruf lanqas jekk skattatx investigazzjoni mill-Pulizija dwar il-mod kif ingħata dan il-kuntratt, wara li l-Awditur qal b’mod ċar illi kien hemm ksur tal-liġi.

Id-deal ta’ San Vincenz de Paul li ingħata b’direct order imur kontra l-liġi. Ta’ kull sodda, il-Gvern iħallas b’rata ta’ €118-il ewro, illi hija d-doppju ta’ kemm iħallas fil-homes privati. Dan il-kuntratt ġie jiswa’ €274 miljun, u lanqas biss tela’ quddiem il-Kabinett.

Id-direct order ingħata sabiex jinbnew erba’ blokok, tinbena kċina, u jiġi provdut l-ikel lil 500 sodda. Bl-NAO isib irregolaritajiet u nuqqasijiet skandalużi. Ir-rapport jikkonferma li d-deal ingħata mid-Dipartiment tal-Kuntratti, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali immexxi minn Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari tal-Anzjani Anthony Agius Decelis. Iżda Falzon għadu qed ifarfar milli jġorr ir-responsabbiltà.

Intant, qabel laqgħa tal-Kabinett li saret fil-binja tal-Inspire, il-Ministru Michael Farrugia – li preżentament huwa responsabbli mill-anzjani – qal li l-Gvern se jniedi strateġija biex jibda jgħallem il-mobile lill-anzjani. Dan filwaqt illi l-istess Ministru ammetta li għadu se jibda x-xogħol fuq Pjan għall-Anzjanità Attiva, u strateġija dwar l-istandards fir-residenzi tal-anzjani.

Anke l-Ministru tal-Anzjani baqa’ fommu sieket dwar l-iskandlu ta’ San Vinċenz u l-kundanni li waslu mill-Awditur Ġenerali.

Il-binja li ġiet kundannata mill-NAO