Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Meta ġurnalisti jaħdmu flimkien, dawk li jhedduhom iħossuhom iżolati” – David Casa

Il-Parlament Ewropew jikkonferma l-impenn li jonora l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia f’Ottubru li ġej

“Forbidden Stories huma eżempju perfett ta’ meta ġurnalisti jingħaqdu flimkien biex jikxfu l-verità, dawk li jkunu qed jhedduhom ikunu f’pożizzjoni dgħajfa biex ikomplu bit-theddid. Jien se nkompli naħdem biex ninkoraġixxi ġurnalisti biex jaħdmu flimkien, iżidu l-investigazzjonijiet, u jkunu b’saħħithom kontra t-theddid li sar minn dawk li jibżgħu mill-verità.”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa qal dan waqt li indirizza seminar organizzat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kommunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, bl-isem ta’ “X’inhuma l-perikli ewlenin tal-ġurnalisti fl-Ewropa?”, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Midja. Illum ukoll, il-Parlament Ewropew nieda b’mod uffiċjali l-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, li se jibda jingħata kull sena, minn Ottubru li ġej.

Waqt li kien qed jindirizza ġurnalisti minn madwar l-Ewropa, David Casa qal li l-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi salvagwardji li jipproteġu lill-ġurnalisti investigattivi kontra theddid abbużiv magħruf bħala SLAPP. “Fl-aħħar mill-aħħar, il-libertà tal-midja hi waħda mill-pedamenti tas-saltna tad-dritt. Ma jista’ qatt ikollok demokrazija taħdem sew mingħajr il-libertà tal-midja. Hu għalhekk li l-Parlament Ewropew kien b’saħħtu f’dan l-argument waqt in-negozjati. Kellna suċċess meta rbatna l-fondi tal-UE mar-rispett lejn is-saltna tad-dritt.”

Waqt is-seminar, l-MEP Casa tkellem ma’ Federica Angeli, ġurnalista Taljana li, wara li investigat ir-rabta bejn diversi gruppi ta’ kriminalità organizzata f’Ruma u l-amministrazzjoni pubblika, ġiet mhedda. Federica Angeli tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala vittma ta’ theddid lejha u lejn familtha. Hi nżammet ostaġġ ukoll, għal madwar siegħa.

Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Viċi President tal-Parlament Heidi Hautala u l-MEP Olandiża Sophie in ‘t Veld.