Lokali Qorti

Mhux ħati li seraq brazzuletta minn ħanut

Żagħżugħ ta’ 28 sena ma nstabx ħati li seraq brazzuletta minn ħanut fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid. Il-każ imur lura f’Jannar li għadda meta hu flimkien mat-tfajla tiegħu marru f’ħanut biex jixtru brazzulletta u li telqu l-barra biha. Mill-provi quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke ħareġ li Kyle Mifsud u t-tfajla tiegħu daħlu fil-ħanut u tfajla staqsiet għal brazzulletti li tiswa’ madwar €300 sabiex tagħtiha rigal lil oħtha.

L-impjegat tal-ħanut qal fil-Qorti li t-tfajla bdiet tistaqsi għall brazzulletti li jiswew aktar minn din iċ-ċifra iżda huwa xorta waħda ħareġ oħrajn li kellu biex jurihomlha. Tenna li sakemm dawwar wiċċu biex jaħdem il-prezz ta’ waħda mill-brazzuletti sab waħda minnhom nieqsa.

Saħaq li xħin affrontaha hija mxiet lura u għolliet idejha, u nnota li l-brazzuletta kienet fil-komma bit-tiketta ħierġa. Hija qabdet tgħajjat li kienet tas-sieħeb tagħha u telqet tiġri ‘l barra mill-ħanut. Min-naħa tagħha, it-tfajla, li f’Marzu li għadda kienet ammettiet li serqet il-brazzuletta u ġiet ikkundannata tmien xhur ħabs, xehdet u qalet li s-sieħeb tagħha ma kien jaf b’xejn.

Hija qalet li marru bil-għan li jaraw il-brazzulletti biex tixtri waħda għal oħtha f’għeluq sninha. Madankollu,fix-xhieda tagħha hija ħawdet ix-xahar ta’ għeluq snin oħtha, b’darba tgħid Mejju u darba f’Ġunju. Il-Qorti qalet li ma ma tressqet ebda prova li l-imputat kellu sehem fis-serqa u lanqas li kien jaf x’se tagħmel is-sieħba tiegħu. Għaldaqtant, il-Qorti ma sabitux ħati la tas-serqa tal-brazzuletta u lanqas għall-akkuża li huwa riċediv.

Il-Qorti ma sabitx lanqas lil Mifsud ħati li kien qed jgħix ħajja ta’ vagabundaġġ u dan peress li għalkemm jirriżulta li l-imputat ma kellux residenza fissa, ma tressqet l-ebda prova li turi li kien qed jgħix barra, jew jiġġerra fit-toroq jew li ma kellux meżżi biex jgħajjex lilu nnifsu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.