Lokali Parlament

Proposti mill-PN fis-settur tal-intrapriżi soċjali

Claudio Grech, PN

Fil-parlament llejla d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech ressaq numru ta’ proposti għall-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Intrapriżi Soċjali bl-iskop li din il-liġi issaħħaħ iktar dan is-settur tant importanti għall-ekonomija soċjali fil-pajjiż.

Claudio Grech qal li l-pajjiż għadu lura ħafna fis-settur tal-intrapriżi soċjali u appella biex il-gvern jikkonsulta mal-għaqdiet volontarji qabel idaħħal avviżi legali kif fil-fatt għamel.

Hu ppropona li jkun hemm konsultazzjoni u jiddaħħal kunċett ta’ Kunsill Konsultattiv li jkun magħmul mill-entitajiet li jkunu qed joperaw f’dan is-settur. Filwaqt li l-liġi tfassal il-parametri li tiddefinixxi l-intrapriżi soċjali, għandha tfassal ukoll il-benefiċċji ta’ intrapriżi soċjali. Waħda mill-proposti għandha tkun li f’dak relatat mat-taxxa, dawk l-intrapriżi li jinvestu l-qliegħ, dan ma jkunx ikkunsidrat bħala qliegħ taxxabbli.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-liġi titkellem fuq l-aspett tal-profitt tal-intrapriżi għandu capping ta’ 25% iżda għandha tkun ikkunsidrata n-natura tal-kunċett ta’ qliegħ bi profitt.

Il-liġi ħalliet barra lin-negozjant, li hu l-bażi tal-ekonomija Maltija, spjega Claudio Grech, li kompla li għandhom jitfasslu metodi ta’ sħubija mas-settur soċjali f’diversi setturi biex funzjonijiet pubbliċi jibdew isiru ma’ dawn is-setturi. Fost dawn is-setturi hemm is-saħħa mentali.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-parametri fissi li hemm fil-liġi fosthom il-pagi tal-ħaddiema b’relazzjoni ma’ kemm tiġġenera flus l-entità; dwar dan jeħtieġ issir konsultazzjoni.

Jeħtieġ ukoll li l-buisness plan sħiħ ikun sottomess lir-regolatur. L-intrapiżi soċjali għandhom jissaħħu wkoll fuq bażi lokali u jingħataw l-għodod neċessarju biex isir l-investiment meħtieġ.