Lokali

“Politika li twettaq l-aspirazzjonijiet tan-nies” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li din hija politika li se twassalna lejn kif naraw lil pajjiżna jiżviluppa lejn is-sena 2030… viżjoni ta’ pajjiż moern li jħaddan l-innovazzjoni, jaspira l-ogħla kwalità tal-ħajja u jkattar il-ġid mingħajr ma jippreġudika l-ambjent naturali.

Huwa qal li l-qafas ta’ politika aġġornta għall-PN hija mibnija fuq it-tisħiħ tal-ġid komuni u l-opportunità li kull persuna tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.

Bernard Grech qal li dan huwa mod ġdid ta’ kif issir il-politika… mhux wara l-bibien magħluqa iżda bl-inklużjoni ta’ kull persuna li għandha għal qalbha l-ġid komuni anke dawk barra l-istrutturi tal-Partit. Huwa qal li dan huwa dak li jagħmel Partit politiku modern… ma jibżax mill-ideat u ma jiddejjaqx jiftaħ il-politika tiegħu biex jilqa’ dejjem aktar nies fi ħadnu.

Il-Kap tal-PN qal li dan huwa tiġdid fil-prattika, mhux bil-paroli biss iżda bil-fatti fejn ir-riġenerazzjoni ma ssirx biss fuq il-karta imma wkoll fl-għodda ewlenija tal-Partit li hija l-politika.

Bernard Grech qal li l-PN se jkun partit politiku propożittiv u innovattiv li jisma’, jifhem, jixtarr, jagħti widen u jipproponi mhux jikkritika biss.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech li huwa l-persuna resposabbli mill-bidla li qed issir sabiex jiġġeddu l-policies tal-PN, qal li l-Partit għandu r-responsabbilta li joffri lill-poplu l–alternattiva għall-Gvern preżenti. Viżjoni li twassal għal pass importanti f’qafas ta’ tiġdid permezz ta’ politika minn isfel għal fuq.

Huwa qal li dan kollu qed iwassal sabiex il-Partit Nazzjonalista joffri viżjoni li trid tieħu lil dan il-pajjiż sal-2030. Viżjoni li tirrispondi għall-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna bil-ġid komuni jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.

Claudio Grech qal li fost l-iktar valur importanti hemm il-kwalità tal-ħajja, fejn il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li  jtejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan kollu jorbot mal-missjoni ekonomika fejn pajjiżna jrid joħloq aktar xogħol b’pagi tajbin.