Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkaġuna feriti gravi fuq oħtu

Raġel ta’ 33 sena mis-Siġġiewi ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati mill-Maġistrat Monica Vella li fis-26 ta’ Jannar tas-sena 2020 huwa kkaġuna feriti gravi fuq oħtu fir-residenza tagħha stess. Il-vittma kellha ksur fl-ghadam tal-imnieher taghha u li kellha ukoll daqqiet fuq il-kustilji.

Minkejja li l-vittma ma rieditx tixhed kontra ħuha, l-aggressur xorta waħda ġie kundannat bil-Qorti tgħid li minkejja n-nuqqas ta’ provi minn naħa tal-istess vittma, l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ. Mill-provi rriżulta li l-mara sofriet minn ġrieħi f’wiċċha. Iċ-ċertifikat mediku maħruġ dakinhar stess mit-tabib James Mifsud li eżamina lill-vittma, apparti grieħi oħra elenka li l-vittma kienet qed isofri minn fratturi tal-għadam fil-wiċċ, fosthom f’imnieħirha.

Fl-istqarrija tiegħu mal-Pulizija l-imputat allega li kienet oħtu li ħabtet għalih. Huwa allega ħafna affarijiet fl-istqarrija tiegħu iżda ma ġab l-ebda prova sabiex isostni l-istess. Il-Qorti qalet li hija hija tal-fehma li l-verżjoni tal-imputat ma għandha xejn mis-sewwa.

Dan aktar u aktar meta qal li kull ma għamel kien biss li ressaqha mal-ġemb. “Li kieku l-uniku sehem tiegħu fl-inċident kien li “ressaqtha mal-genb” ma kien ikun hemm l-ebda raġuni il-għala l-vittma kienet skont hu taqa’ ma’ l-art jew tiżloq u tfarrak wiċċha tant li kisret l-għadam ta’ mnehirha kemm tal-lemin u kemm tax-xellug.

L-imputat allega li oħtu ħabtet għalih iżda ma ġab l-ebda prova dwar dan. Mir-rapport li l-vittma għamlet mal-Pulizija dakinhar tal-inċident jirriżulta li dak il-hin stess li ġara l-inċident fejn il-vittma ġiet aggredita mill-akkużat, u talbet l-assistenza tal-Pulizija permezz ta’ telefonata li immedjatament marru fir-residenza tagħha.

Il-vittma iddikjarat mal-Pulizija li l-imputat “qabad itiha u tefagħha mal-art bid-daqqiet.” Hemmhekk huma raw li kellha xi ġrieħi f’wiċċha u għalhekk issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma għal aktar kura fl-isptar Mater Dei. L-aggressur kien telaq minn fuq il-post iżda ġie kkuntattjat sabiex ikun mitkellem fl-Għassa fejn ġie infurmat li kien jinsab arrestat
dwar ġrieħi li kkawża fuq oħtu.

L-Ispettur Kylie Borg li mexxiet il-Prosekuzzjoni iddikjarat illi “….jiena kont kellimt ukoll personalment lill-vittma f’dan il-każ fejn jiena stess b’għajnejja kont rajt daqqa fl-ghajn tal-vittma, kienet imbengġa u vjola u hi stess ikkonfermatli dik l-istess verżjoni li kienet tat lis-Surġent fuq il-post……fejn ħuha kien qabad jaghtiha fejn anke ta daqqiet f’ġisimha waqt li kienet qegħda ma’ l-art”.

il-Qorti filwaqt li sabet lill-imputat ħati tal-akkuza tas-swat u kkundannatu għal sena priġunerija sospiżi għal erba’ snin ordnat sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma u rabtet lill-imputat b’obbligazzjoni fl-ammont ta’ €2,329.37 għal żmien 12-il xahar, kif ukoll ikkundannat lill-imputat sabiex iħallas l-ispejjeż tal-espert it-tabib Adrian Agius fl-ammont ta’ €200.