L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel, l-ACE qed tgħid li s-sitwazzjoni għal dawn l-istabbillimenti qed issir dejjem aktar diffiċli u aktar negozji qed jirriskjaw li jagħlqu darba għal dejjem.
L-ACE qalet li dan hu lil hinn min-numri rrappurtati minnha fl-aħħar ġimgħat, u tenniet li ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li turi li l-istabbilimenti tal-ikel kienu sors tal-firxa tal-virus.
L-assoċjazzjoni qalet li l-Gvern għandu b’mod immedjat jippermetti l-ftuħ sħiħ tar-ristoranti u għandu minnufih joħroġ il-vouchers.
Il-paniku finanzjarju li hemm fis-settur huwa wieħed ta’ bla preċedent, b’uħud f’dan il-qasam qed iduru għal miżuri ddisprati biex jippruvaw jibqgħu fil-wiċċ.
L-ACE qalet ukoll li filwaqt li tifhem il-pożizzjoni diffiċli li sabu ruħhom fiha dawn l-istabbilimenti, ma tħossx li dan hu żmien fejn dawn għandhom iżidu ħlasijiet addizjonali u appellat biex il-membri tagħha jħarsu lejn l-effett fit-tul ta’ tali deċizjonijiet. Dan filwaqt li fakkret li pajjiżna għandu suq ħieles.
L-assoċjazzjoni appellat ukoll lill-pubbliku sabiex jgħinu lill-istabbilimenti tal-ikel billi jippjanaw il-ħin liberu tagħhom kif ukoll l-okkazjonijiet speċjali fil-parametri tal-ħin tal-ftuħ tagħhom.
//= $special ?>