Futbol Sport

Bejn illum u għada jsiru magħrufa l-finalisti tal-UEFA Champions Leauge

Bejn illum u għada jintlagħbu t-tieni legs tas-semifinali tal-UEFA Champions League fejn illum fl-Etihad Stadium, Manchester City jilgħabu kontra PSG bit-tim imexxi minn Pep Guardiola jibda bħala favorit li jikkwalifika hekk kif jinsab fil-vantaġġ ta’ 2-1.

Rebħa għal Manchester City tfisser li jkunu rebħu l-aħħar sitt partiti fil-UEFA Champions League u b’hekk ikunu kisru r-rekord tal-aktar tim Ingliż li rnexxielu jirbaħ partiti konsekuttivi f’din il-kompetizzjoni. Fil-kwartifinali PSG irnexxielhom jirkupraw mit-telfa tal-ewwel leg kontra Borussia Dortmund biex kwalifikaw u b’hekk se jkunu qed jittamaw li jagħmlu l-istess.

Fi Stamford Bridge, għada Chelsea jilgħabu kontra Real Madrid, bil-konfront għadu wieħed miftuħ hekk kif fl-ewwel leg temmew fi draw ta’ 1-1. Real Madrid ilhom ma jirbħu erba’ partiti barra minn darhom u b’hekk dan il-konfront jista’ jkun xi ftit diffiċli għat-tim ta’ Zinedine Zidane. Minn naħa l-oħra, Chelsea se jkunu qed jittamaw li jilħqu t-tielet finali tal-UEFA Champions League fl-istorja tal-club u b’hekk tpoġġihom wara Manchester United u Liverpool li t-tnejn li huma lagħbu erbgħa.