Lokali

Carmelo Abela mhux se jħallas is-€7,000 lura?

Il-Ministru Carmelo Abela qed jagħti indikazzjoni li s-€7,000 li tajjar minn flus il-poplu għal skopijiet ta’ reklamar…. mhux se jkun qed iroddhom lura.

Dan wara li rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzlet tkellem dwar ksur ta’ etika mill-istess Ministru Abela, permezz ta’ reklam fuq il-maġġoranza tal-ġurnali tal-Ħadd. Madanakollu, ir-rapport ma kienx aċċettat mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia astjena milli jivvota. Biz-zewg deputati tal-PN jivvutaw favur li r-rapport jigi adottat.

Mistoqsi minn Net News jekk hux se jkun qed irodd il-flus lura Carmelo Abela wieġeb biss li ħa nota…. u li se jkun qiegħed jagħmel stqarrija parlamentari fil-ġranet li ġejjin.

Il-ġurnalisti preżenti staqsew lil Ministru Abela dwar dak li qed jallegaw is-suspettati eżekuturi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, kif ukoll Vince Muscat – illi saħqu li lesti jikxfu fost oħrajn il-parteċipazzjoni ta’ eks Ministru u Ministru preżenti fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela f’hold up li seħħ snin ilu.

Il-Ministru Carmelo Abela xejjen l-allegazzjonijiet u insista li qatt ma kellu konoxxjenza ta’ dawn il-persuni…u insista li dawn huma affarijiet serji.