Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ta x’jifhem li mhux se ssir inkjesta wara d-diversi rapporti serji li saru fl-aħħar jiem dwar il-mod allegatament inuman li bih qed ikunu trattati xi pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli.
Minflok, Fearne qal li, fl-opinjoni tiegħu, il-livell ta’ Monte Carmeli hu “eċċezzjonali”, fl-istess waqt li qal li sa erba’ snin oħra se jkun qed jinfetaħ Sptar ġdid għall-kura mentali għax Monte Carmeli hu antik.
In-nuqqas ta’ impenn mill-Gvern ta’ Robert Abela biex jara li s-servizz ta’ kura mentali jkompli jitjieb jistona mal-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed jara li jippreżenta politika li ttejjeb is-saħħa mentali. Fil-fatt, il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed ivara proposti ġodda f’dan is-settur.
Nuqqas ta’ viżjoni mill-Gvern ukoll dwar meta se jkun lest l-Isptar il-ġdid għall-kura mentali, li Fearne innifsu ilu diversi snin jitkellem dwaru. Iżda hekk kif insista li dan se jkun lest sa erba’ snin oħra, s’issa għadha lanqas tpoġġiet l-ewwel ġebla. Minflok, Fearne qal li l-proċess tal-bini hu l-aktar biċċa li ssir malajr.
Sadanittant, fakkarna lid-Deputat Prim Ministru li ilna diversi xhur nitolbu l-permess tal-Ministeru mmexxi minnu u Uffiċjali oħrajn biex inkunu nistgħu nidħlu f’Monte Carmeli b’camera ħalli naraw b’għajnejna s-sitwazzjoni reali f’dan l-Isptar. Meta staqsejnih għaliex mhux qed jinħareġ dan il-permess, il-Ministru evita milli jwieġeb.
Dan minkejja li qabel, qalilna li kien lest jibqa’ jwieġeb. Iżda meta ġbidna l-attenzjoni tal-Uffiċjal fi ħdan il-Ministeru li hemm xi mistoqsijiet li Fearne ma weġibx, hi qaltilna li mhux possibbli nerġgħu nistaqsu.
//= $special ?>