Lokali

Id-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Joseph Muscat: Żieda ta’ €191,000 fil-kont tal-bank, u żewġ propjetajiet

Żewġ membri tal-Gvern ma jdaħħlux id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom - jonqos anke Chris Cardona

Żieda ta’ €191,000 depożitati fil-bank u żewġ propjetajiet. Din hi d-differenza prinċipali fil-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-assi tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat għas-sena 2020, l-aħħar sena tiegħu fil-Parlament.

Sal-2019, Joseph Muscat dejjem iddikjara bilanċ kostanti ta’ €75,000 fil-kontijiet bankarji – illi jfisser li f’sena, il-kont ta’ bank ta’ Muscat sploda ‘l fuq b’mod sinifikanti.

Ikkuntattjat mill-ġurnal Times of Malta dwar din il-qabża qawwija fl-assi tiegħu meta mqabbla mas-snin preċedenti, Joseph Muscat wieġeb li dan kien dovut għall-pakkett ta’ tmiem l-impjieg meta temm mill-kariga ta’ PM f’Jannar tal-2020, dħul mill-attivita’ ekonomika tiegħu u wirt wara l-mewt ta’ membru tal-familja.

Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu fil-bidu ta’ Diċembru tal-2019, wara jiem sħaħ ta’ protesti xprunati mill-arrest ta’ Yorgen Fenech fix-xahar ta’ qabel. Arrest li kixef ir-rabtiet mill-qrib bejn l-amministrazzjoni mmexxija minnu u l-komplott wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. Hu rriżenja uffiċjalment minn Prim Ministru f’Jannar 2020 u minn Deputat fil-Parlament f’Ottubru 2020.

Fl-aħħar dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, Muscat iddikjara li għandu €256,000 depożitati f’kont fil-Bank of Valletta, qabża notevoli mis-€65,000 li ddikjara fl-2019 meta kien għadu Prim Ministru. Hu qal li qed jaħdem fil-kamp ta’ riċerka ekonomika u maniġerjali.

Rosianne Cutajar tiddikjara li għandha inqas minn €5,000 fi flus kontanti

L-Eks Segretarju Parlamentari allegatament ħadet senserija ta’ €46,500 mingħand Yorgen Fenech fl-2019

Sadanittant, Rosianne Cutajar, li din is-sena irriżenjat minn Segretarju Parlamentari, iddikjarat €3,780 imfaddla u €486 f’kont bankarju konġunt. Cutajar irriżenjat temporanjament minn Segretarju Parlamentari wara li sar magħruf li ħadet €46,500 senserija fl-2019 – xi ħaġa li Cutajar qatt ma ċaħdet – minn bejgħ ta’ propjeta’ l-Imdina li kellha tinxtara minn Yorgen Fenech. Liema bejgħ kien waqa’ wara l-arrest ta’ Fenech. Fid-dikjarazzjoni tal-assi tagħha, Rosianne Cutajar ma semmiet imkien din is-senserija, la fl-2019 u lanqas f’tas-sena li għaddiet. Iżda fid-dikjarazzjoni tal-assi tagħha tal-2020, Rosianne Cutajar iddikjarat li xtrat żewġ propjetajiet f’Ħal Qormi u li saret sid ta’ dawn il-propjetajiet fis-sena meta allegatament daħħlet il-flus mis-senserija.

Chris Cardona, Clifton Grima u Silvio Grixti għadhom ma ssottomettewx id-dikjarazzjoni tagħhom

L-eks Ministru Chris Cardona, li bħal Muscat rriżenja mill-Parlament is-sena li għaddiet, ma ressaqx id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu. Anki s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u d-Deputat Silvio Grixti naqsu milli jressqu d-dikjarazzjoni tal-assi sal-aħħar ta’ April, id-data ta’ skadenza biex id-Deputati u eks Deputati iressqu id-dikjarazzjoni lill-iSpeaker.