Lokali Parlament

Il-gvern għandu joħloq Fond ta’ Irkupru għall-ġustizzja

Joe Ellis, PN

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern joħloq Fond ta’ Irkupru għall-ġustizzja u m’għandux jixxaħħaħ ma’ dan is-settur.

Fid-dibattitu parlamentari fl-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Joe Ellis qal li dan l-abbozz jitratta poteri ġodda li se jingħata l-Avukat Ġenerali (AĠ), li diġà qed jaġixxi skont l-emendi proposti li huma radikali għas-sistema ġudizzjarja Maltija. S’issa l-kompitu tal-AĠ jibda minn dakinhar li jirċievi l-atti tal-kumpilazzjoni kompilati mill-Qorti tal-Maġistrati biex fi żmien xahar tinħareġ l-att tal-akkuża.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-intenzjoni ta’ Sir Adrian Dingli kienet li meta jkun mressaq persuna quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, fi żmien xahar l-atti jridu jgħaddu lill-AĠ biex tinħareġ l-akkuża iżda jekk l-AĠ jidhirlu li fadal xi provi jew hemm difetti dan jerġa’ jibgħatulhom lura fir-rinviju.

Jeħtieġ li din il-proċedura tkun eżaminata mill-ġdid minħabba li jista’ jkun hemm dewmien fil-proċess bejn l-AĠ u l-Qorti tal-Maġistrati b’kawża li jkun hemm dewmien. Issa inqas jagħmel sens li l-AĠ jkun preżenti u jagħmel il-prosekuzzjonijiet fil-Qorti tal-Maġistrati. Kemm l-AĠ kif ukoll il-pulizija jistgħu jmexxu l-prosekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn qabel dejjem kienet il-pulizija li tmexxi l-prosekuzzjoni.

Hu qal li mhux se jibqa’ ċar id-differenza bejn il-prosekuzzjonijiet li jitmexxew mill-pulizija u dawk li jitmexxew mill-AĠ; qed tinbet sistema ġdida li hi differenti minn dak stabbilit s’issa.

Ħadd m’għandu jibża mill-bidla iżda jrid ikun assigurat li ma jkunx hemm konfużjoni tar-rwoli, il-proċess penali jkun mgħaġġel u li d-drittijiet tal-persuni involuti jkunu garantiti. Din hi kwistjoni tajjeb li l-ministru jikkonsulta mal-avukati prattikanti dwarha.

Joe Ellis qal li l-AĠ s’issa kien formalment ikkunsidrat bħala arbitrju li kellu l-poter li jabbozza l-att tal-akkuża fejn għandu l-poter ukoll li jbiddel l-akkużi.

Hu sostna li hi infeliċi li min se joħroġ l-att tal-akkuża jkun qed imexxi wkoll il-prosekuzzjoni; din se tkun sitwazzjoni li se tispiċċa quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Jeħtieġ isir ripensament serju tal-proċess penali kollu u ta’ min għandu jmexix l-prosekuzzjoni, sostna Joe Ellis, li appella biex il-gvern juża l-flus tal-irkupru fis-settur tal-ġustizzja iżda l-gvern għadu ma ssottomettiex il-pjan tiegħu għal dan il-fond.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li pajjiżi barranin ppreżentaw dan il-pjan lill-UE fosthom l-Italja li għandhom problema iktar gravi minn ta’ Malta fis-settur tal-ġustizzja. Joe Ellis sostna li l-problema hi l-mod jintużaw ir-riżorsi għaliex il-gvern ma jonfoqx ir-riżorsi kif suppost; minkejja li l-investiment ta’ €4.5 fi Triq id-Dejqa. Il-gvern għandu jressaq fond ta’ irkupru dwar il-ġustizzja, jressqu l-parlament u jiddiskutieh mal-Oppożizzjoni.

Joe Ellis qal li għall-ewwel darba l-gvern se jkollu rwol dirett fid-dixxiplina tal-avukati u sostna li l-gvern se jkollu rappreżentat tal-AĠ fuq il-kumitat li jiddixplina l-avukati, rappreżentant lill-Avukat tal-Istat, se jaħtar uffiċjali għoli tal-Ministeru tal-Ġustizjja, tliet avukati u mħallef irtirat. Hu appella biex isir investiment immedjat fil-Qorti ta’ Għadex għaliex is-sitwazzjoni saret waħda diffiċli fejn il-gvern ma żammx il-wegħdi elettorali tiegħu li jibni bini ta’ qorti ġdid.