Lokali Parlament

Il-gvern ma ħallasx kumpens imwiegħed lir-residenti ta’ Ħal Farruġ

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sostna li l-gvern ma ħallasx kumpens imwiegħed lir-residenti ta’ Ħal Farruġ fuq iż-żewġ tankijiet tal-fuel li tpoġġew viċin ir-rsidenti mill-Enemed.

Fl-Aġġornament tal-parlament llejla Toni Bezzina qal li l-instalazzjoni taż żewġ tankijiet ta’ fuel tal-ajruplani f’Ħal Farruġ u sostna li r-residenti kienu mħassba dwarhom. Hu sostna li dawn kienu installati viċin ir-residenzi ta’ Ħal Farruġ; il-gvern kien ta’ assigurazzjoni li dawn it-tankijiet kellhom il-permessi neċessarji u li kienu saru l-proċessi kollha tas-saħħa u s-sigurtà.

Id-deputat Nazzjonalista qal li r-residenti kienu kellmu lis-Sindku ta’ Ħal Luqa u kien bagħat ittra f’kull dar f’Ħal Farruġ u qallhom li wara taħdidiet li kienu saru mal-Enemed kien hemm qbil li kull familja fil-lokal se tingħata ċekk ta’ €500 għal 20 sena sħaħ; €10,000 għal kull familja għall-inkonvinjent li dawn se jsofru.

Flimkien ma’ din il-korrispondenza intbgħatet ukoll korrispondenza bejn is-Sindku u l-CEO tal-Enemed li kien ikkonferma dan il-kumpens. Minkejja dan, wara sentejn dawn l-għotjiet suppost kellhom jibdew mill-bidu tal-2020 iżda r-residenti għadhom bla kumpens.

Hu sema’ wkoll żvilupp f’Wied il-Kbir fejn razzett u art agrikola jinqalbu f’żona industrijali. Toni Bezzina appella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tikkunsidra l-ħtiġijiet tar-residenti ta’ Ħal Farruġ u problemi li se jinħolqu lid-dilettanti tan-nar ta’ Ħal Qormi li għandhom il-kamra tan-nar viċin jekk jinħarġu l-permessi.

Toni Bezzina semma’ x-xogħol fil-mini ta’ Ħal Kirkop li ħoloq problemi għar-residenti għal kważi sena u qal li dawn ix-xogħlijiet saru bla pjan. Hu appella għall-konsultazzjoni serja biex dawn ix-xogħlijiet ikunu koordinati fosthom mal-kunsilli lokali.

Hu semma’ wkoll ix-xogħlijiet fi Triq San Pietru u Triq Valletta f’Ħal Kirkop u qal li issa se jidbew ix-xogħlijiet ta’ tarmac li ilhom tmien xhur biex għaddew is-servizzi f’250 metru.