Lokali

Il-PN qed jipproponi sistema ta’ taxxa aktar ġusta

Il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq ċirku ta’ ġid minflok iċ-ċirku vizzjuż tal-isparpaljar. Għax filwaqt li tissaħħaħ l-ekonomija, irridu naraw li anke l-ħaddiema kollha jissaħħu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat minn Robert Cremona waqt il-programm NET Live, fejn tenna li b’governanza tajba, l-affarijiet isiru aħjar u b’anqas ħela ta’ flus f’korruzzjoni. Għaldaqstant, dawk il-flus li jkunu ffrankati mill-korruzzjoni, jgawduhom il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid immexxi minnu jrid sistema ta’ taxxa li tkun aktar ġusta, fosthom ladarba negozjanti Maltin jinsabu fi żvantaġġ ma’ min jiġi jinvesti minn barra minn xtutna.

Dwar il-clusters li ppreżenta t-Tnejn il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li dawn saru b’kontinwazzjoni għall-ħidma li bdiet taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, f’Mejju tas-sena li għaddiet. Spjega li b’dan il-mudell, 150 persuna tqassmu f’setturi differenti biex joħorġu l-proposti għall-Programm Elettorali tal-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-importanza akbar li għandha tingħata lill-isfidi tas-saħħa mentali, li sejħilha bħala l-pjaga moderna fis-soċjetà. Dan hekk kif din taffettwa lil ħafna nies, partikolarment illum lil dawk li għadhom milquta mill-pandemija.

Bernard Grech irrefera wkoll għal-laqgħat li kellu fl-aħħar jiem man-negozjanti u l-ħaddiema tagħhom biex jisma’ aktar dwar id-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom, partikolarment kawża tal-pandemija. Fl-istess waqt, hu appella biex kulħadd joqgħod attent wara li jitneħħew ir-restrizzjonijiet ħalli s-sagrifiċċji ma jkunux saru għalxejn.

Mistoqsi dwar il-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku li l-Gvern kellu jippreżenta lill-Unjoni Ewropea, hu qal li jinsab iddiżappuntat kif, minkejja l-ħafna kliem fieragħ, il-Partit Nazzjonalista ma kien ikkonsultat fl-ebda ħin … ħsieb rifless ukoll fil-jiem li għaddew mill-korpi kostitwiti. U dan minkejja li l-Partit Nazzjonalista diġà ħejja l-Pjan tiegħu ta’ Rkupru Ekonomiku.

Dwar kif il-Ministru Carmelo Abela jidher li mhux se jrodd is-7,000 ewro li uża minn flus il-poplu għal propaganda personali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kontabbiltà li l-Partit Laburista kien wiegħed qatt ma twettqet – kemm taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, kif ukoll taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela. Fattur li qed jirrabja lil kulmin jistenna li min hu responsabbli, jwieġeb għal għemilu.