Lokali

Lejn it-twettiq tal-pjan tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona t-tieni interconnector


Il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għall-fatt li l-Enemalta tidher li qegħda tikkunsidra
l-introduzzjoni tat-tieni interconnector bħala sors ta’ provvista tal-enerġija.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli, Ryan Callus, il-Partit Nazzjonalista laqa’ din l-aħbar, u fakkar li fl-istrateġija tiegħu imnedija fi Frar ta’ din
is-sena, elenka l-introduzzjoni tat-tieni interconnector bħala wieħed mill-azzjonijiet meħtieġa
fl-immedjat, primarjament fl-għaxar snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar illi minkejja kull interpretazzjoni politika paritġġjana li tista’
tingħata mill-Gvern Laburista, l-interconnector huwa frott il-politika tal-Partit Nazzjonalista,
u l-installazzjoni tat-tieni interconnector kienet fil-pjan tal-Enemalta qabel l-2013,
bl-eventwali installazzjoni tal-apparat meħtieġ biex jakkomodah kemm f’Ragusa, Sqallija u
f’Malta. L-interconnector tana l-irħas prezzijiet ta’ enerġija f’ħinijiet partikolari, bl-użu
tiegħu limitat mill-kundizzjoni tat-take-or-pay ta’ 80% tal-enerġija ġġenerata mill-Electrogas
li Gvern Laburista rabatna magħha għal 18-il sena. Dan kien ikkonfermat mir-rapport
tal-Awditur Ġenerali dwar l-għoti tal-kuntratt lil Electrogas, fejn sab li fuq mhedda ta’ 6 xhur,
l-interconnector ma kienx utilizzat kemm mixtieq fl-interess nazzjonali, biex spiċċajna
ħallasna €10,000,000 iktar għax konna marbutin li nixtru mill-Electrogas meta
l-interconnector kien irħas.

Il-Partit Nazzjonalista kien innota li fuq il-parir ta’ esperti, pajjiżna ikun qiegħed isaħħaħ
is-sigurta’ tal-provvista tal-enerġija fl-eventwalita’ li t-tieni interconnector jitqabbad ma’ sors
distint u adekwat, sabiex ir-riskju jkun iddiversifikat u tonqos il-possibilta’ li jintilfu ż-żewġ
interconnectors f’daqqa. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Enemalta sabiex
tagħmel l-istudji necessarji biex dan ikun possibbli.

B’din id-deċiżjoni tat-tieni interconnector, l-istrateġija għall-futur tal-enerġija tal-Partit
Nazzjonalista għall-pajjiżna tkompli toħroġ bħala l-alternattiva għal dak kollu li rajna, sabiex
nassiguraw kontijiet sostenibbli u arja nadifa.