Futbol Sport

Man City jiddominaw lil PSG u jsiru l-ewwel tim fil-finali tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Manchester City saru l-ewwel tim li għamilha għal finali tal-UEFA Champions League hekk kif għelbu lil PSG bl-iskor ta’ 2-0 fit-tieni leg tas-semi finali, bi skor aggregate ta’ 4-1. B’hekk Man City saru l-ewwel tim Inlgiż li rebħu sitt logħbiet konsekuttivi f’din il-kompetizzjoni, biex għamluwha għal-ewwel finali tagħhom fl-Ewropa. PSG daħlu għal din il-partita mingħaj l-istilla tagħhom Kylian Mbappe hekk kif ma kienx fiżikament lest li jibda l-partita. PSG ingħataw penalty fis-6 minuta hekk kif minn cross ta’ Kimbempe, Zinchenko deher imiss il-ballun b’idu, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee biddel id-deċiżjoni tiegħu. Minkejja dan Man City marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta wara kontrattakk veloċi Zinchenko għadda l-ballun lejn Kevin De Bruyne, li ra t-tentattiv tiegħu blokkat, bil-ballun jaqa’ f’saqajn RIYAD MAHREZ li mill-viċin ikkonkluda fil-lasta għal 1-0.

PSG kienu viċin il-gowl tad-draw fis-16-il minuta meta d-daqqa ta’ras ta’ Marquinhos ħabtet mal-lasta. PSG komplew jiddominaw il-pusses tal-ballun iżda il-pressjoni ta’ Man City u l-organizzazjoni fid-difiża tagħhom żammet lil PSG milli jkunu perikolużi tul l-ewwel taqsima. Man City reġgħu kienu perikolużi fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima meta Keylor Navas salva tajjeb fuq konklużjoni ta’ Riyad Mahrez. Fit-tieni taqsima Man City baqgħu fil-kontroll tal-partita fejn fit-53 minuta ix-xutt minn barra ta’ Phil Foden kien salvat tajjeb minn Keylor Navas. Biex mill-kontrattakk tal-istess azzjoni Neymar kien perikoluż fil-kaxxa ta’ Man City bil-konklużjoni tiegħu tkun blokkata f’corner mid-difensur ta’ Man City, Zinchenko.

Man City skorjaw it-tieni gowl tal-partita u prattikament għalqu l-partita fit-63 minuta meta minn kontrattakk tajjeb Kevin De Bruyne għadda lejn Phil Foden, li bil-cross tiegħu sab lil RIYAD MAHREZ li mill-viċin rdoppja għal Man City. PSG spiċċaw jilgħabu b’għaxar t’iplejers hekk kif fit-68 minuta Angel Di Maria ġie muri l-karta l-ħamra wara inċident ma’ Fernandinho. Man City komplew jattakkaw hekk kif fis-77 minuta ix-xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Phil Foden ħabat mal-lasta.